Lokali

Illum Jum il-Vitorja

Ritratti: Matthew Tabone

Bħal kull sena, pajjiżna matul il-ġurnata tas-Sibt iċċelebra Jum il-Vitorja, jum li fih sinifikat kbir fl-istorja ta’ pajjiżna.

L-għeruq ta’ dan il-jum storiku jmorru lura għall-1565, bil-jum ifakkar ir-rebħ tal-Maltin fl-Assedju l-Kbir tal-1565. Dan hekk kif, fis-7 ta’ Settembru, il-flotta Sqallija tal-Gran Soccorso kienet waslet max-xatt ta’ pajjiżna biex l-għada, wara iktar minn tliet xhur ta’ invażjoni mit-Torok, l-Ottomani rtiraw.

B’hekk ġie fi tmiemu dak li jitqies bħala wieħed mill-iktar assedji mdemmija u fost l-ikbar fl-istorja.

Eqreb lejn żmienna, it-tmienja ta’ Settembru dan il-jum għandu wkoll rabta mat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm uffiċjalment din intemmet f’Novembru tal-1943, kien fit-8 ta’ Settembru li l-Italja rtirat, bil-konsegwenza li l-bumbardamenti fuq Malta naqsu drastikament.

Ma’ dan il-jum jintrabat ukoll avveniment ieħor, hekk kif erbat ijiem qabel Jum il-Vitorja, jiġifieri fl-4 ta’ Settembru tal-1800, it-truppi Franċiżi li kienu jokkupaw Malta taw ruħom b’idejhom lill-Kmandant Emanuele Vitale u l-Kanonku Francesco Saverio Caruana wara battalja ta’ sentejn.

Is-Sibt, iċ-ċelebrazzjonijiet bdew b’ċerimonja ta’ tifkira fejn il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca poġġiet il-fjuri quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta, akkumpanjata minn parata mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Wara, sar it-tqegħid ta’ kuruni mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju fil-Forti Sant’Anġlu u mal-monument tal-Vitorja fil-Birgu, kif ukoll mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla u fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fej tfakkru l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Bħal kull sena, il-qofol ta’ dan il-jum nazzjonali ntlaħaq bir-Regatta nazzjonali fil-Port il-Kbir, organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali.