Is-sitwazzjoni tal-housing f’pajjiżna titlob risposta ta’ għaqda u solidarjetà minn kulħadd, ibda minna l-Insara. Jeħtieġ li naħdmu flimkien sabiex jinstabu soluzzjonijiet li f’pajjiżna ma jħallu lil ħadd mingħajr kenn adegwat u dinjituż.
Kien dan il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech fl-ittra pastorali tagħhom fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-Vitorja u fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ Marija Bambina u li fiha tkellmu dwar id-diffikultà li qed isibu wħud mill-familji Maltin u Għawdxin, ħafna żgħażagħ u diversi barranin biex isibu dar li jistgħu jikru jew jixtru.
Fl-ittra tagħhom, l-Isqfijiet għamlu diversi appelli lil setturi differenti: fosthom appell lis-soċjetà, appell lill-politiċi, appell lis-sidien tal-propjetà u lill-iżviluppaturi, appell lill-inkwilini, u appell lill-komunitajiet ekkleżjali.
Lis-soċjetà Maltija l-appell kien sabiex ma ssirx indifferenti quddiem sitwazzjonijiet ta’ emerġenza soċjali li qed joħolqu faqar ġdid.
Lill‑politiċi, l-appell kien sabiex il-kwistjoni tal-housing ma tispiċċax ballun politiku partiġġjan iżda tkun okkażjoni biex juru li jridu jaħdmu flimkien għall-ġid komuni.
Lis‑sidien tal‑proprjetà u lill‑izviluppaturi l-Isqfijiet appellawlhom biex jimxu dejjem skont il-kuxjenza soċjali u skont il-prinċipji tas-solidarjetà u r-responsabbiltà, filwaqt li l-appell lill-inkwilini li għandhom id-dover iħallsu l-kera fil-ħin, kien biex dawn jieħdu ħsieb id-dar li qed jgħixu fiha u ma jagħmlu ebda vendikazzjoni fil-proprjetà.
L-isqfijiet fakkru wkoll li l‑ġustizzja soċjali titlob li wieħed jirrikorri għall‑housing soċjali meta verament ikollu bzonn, mingħajr ma jsir abbuż mis-sistema ta’ għajnuna soċjali.
Sar ukoll appell lill-komunitajiet ekkleżjali sabiex ikomplu jaħdmu id f’id mas‑soċjetà ċivili biex jinstabu tweġibiet għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, u sabiex il-Knisja, li permezz ta’ diversi entitajiet tagħha toffri dar lil mijiet ta’ persuni, tkompli tkun ta’ eżempju u tgħin lil min jinsab f’diffikultà.
//= $special ?>