Eks-konsulent tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump intbagħat il-ħabs għal 14-il jum b’konnessjoni mal-investigazzjoni tal-Amerikani dwar il-kollaborazzjoni potenzjali bejn attivisti ta’ Trump u r-Russja bil-għan li ‘jgħinu’ għar-rebħa ta’ Trump fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza Amerikana.
George Papadopoulos, li meta kien f’Londra kien għadda rimarki li wasslu għall-investigazzjoni, ammetta fil-qorti ta’ Washington li huwa ‘patrijott Amerikan li żbalja minħabba li gideb’.
Papadopoulos, f’Ottubru, instab ħati li kien gideb lill-FBI tal-Istati Uniti dwar ‘iż-żmien meta saru laqgħat bejn il-membri tal-kampanja ta’ Trump u allegati kuntatti tar-Russja’. Dan meta hu sar l-ewwel eks-kollaboratur tal-President Amerikan li spiċċa arrestat dwar l-allegat kumplott tar-Russja intiż ‘biex l-elezzjoni tal-2016 ixxaqleb favur Trump’.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, Papadopoulos irid anki jqatta’ 12 il-xahar ta’ libertà taħt ‘osservazzjoni’ minbarra li jħallas multa ekwivalenti ta’ madwar 10,000 dollaru.
Papadopoulos, li hu analista fis-settur tal-petroleum, kien issieħeb mal-kampanja tal-attivisti li kienu qed jaħdmu biex itellgħu lil Trump bħala President f’Marzu tal-2016 u fejn malajr għamel il-kuntatti mal-akkademiku misterjuż Malti, Joseph Mifsud.
Il-professur kien qal lil Papadopoulos li r-Russi ‘kellhom l-affarijiet x’jikxfu’ dwar Hillary Clinton, ir-rivali kbira ta’ Trump u dak iż-żmien l-ekskandidat tal-Partit Demokratiku għall-Presidenza u li l-informazzjoni kienet tibbaża fuq ‘eluf ta’ emails’.
Intant, fix-xhur ta’ wara, eluf ta’ emails marbuta mal-kampanja ta’ Clinton kienu pubblikati mill-Wikileaks.
Sadanittant, il-prosekuturi qalu li n-nuqqas ta’ koperazzjoni mal-investigaturi min-naħa ta’ Papadopoulos kien ifisser li huma ma setgħux jinterrogaw b’mod effettiv inkella jarrestaw lill-Professur Mifsud. L-istess Mifsud, illum, mgħadux jgħix fl-Istati Uniti waqt li qatt ma nstabu provi konkreti dwar konnessjoni bejnu u l-imemmija emails tal-Partit Demokratiku li kienu żvelati wara li spiċċaw suġġetti għall-hacking.
F’Lulju li għadda, id-Dipartiment għall-Ġustizzja Amerikan kien akkuża 12 il-uffiċjal tas-servizzi sigrieti Russi dwar hacking assoċjat ma’ uffiċjali tal-Partit Demokratiku tal-Istati Uniti.
//= $special ?>

