Internazzjonali

L-Eġittu jikkonferma mijiet ta’ sentenzi għas-sostenituri tal-eks President Iżlamiku Morsi

L-Eġittu kkonferma sentenzi ta’ ħabs u piena kapitali għal aktar minn 700 persuna li kienu involuti f’azzjoni ta’ protesta dwar it-tkeċċija tal-eks President Iżlamiku (Eġizzjan) Mohammed Morsi, fl-2013.

Il-protesta tal-2013 fil-pjazza ta’ Rabaa al-Adawiya, fil-Kajr, kienet karatterizzata mill-vjolenza, b’mijiet jisfaw maqtula mill-qawwiet tas-sigurtà.

Intant, il-qorti Eġizzjana konfermat is-sentenzi tal-mewt għal 75 persuna, b’50 oħra jingħataw ħabs għal għomorhom. Numru mill-imputati jinkludu diversi mexxejja Iżlamiċi.

Min-naħa tiegħu, il-grupp Amnesty International ikkundanna l-proċess bħala ‘wieħed mhux xieraq li jmur kontra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu’.

Aktar kmieni din is-sena, il-Parlament Eġizzjan ikkonferma l-immunità għall-uffiċjali militari b’konnessjoni mal-kampanja tal-2013 għall-kontroll tal-portesta fil-Kajr. L-immunità ngħatat ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe reati ‘mill-militar’ li twettqu ‘fl-interessi tas-sigurtà’ bejn Lulju ta’ dik is-sena u Jannar tal-2016.