Il-Kunsill Lokali tal-Mosta għaddej b’ħidma biex jorganizza Festa Qargħasel, festa ta’ ikel u attivitajiet marbuta mal-għasel u l-qargħa aħmar.
Iż-żewġ prodotti għandhom rabta storika u kulturali mal-Mosta. Filfatt, il-Mosta ilha tipproduċi l-għasel minn żmien il-Medjuevu u dan kif jixhed il-wied pittoresk imsemmi ‘Wied il-Għasel.’
Il-Festa Qargħasel se jkollha l-parteċipazzjoni tal-Malta Beekeepers’ Association li se tkun qed tipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi partikolari tan-naħla Maltija, l-arti tat-trobbija tan-naħal kif ukoll dwar il-benefiċċji tal-għasel bħala parti minn dieta bnina u bilanċjata.
Dan apparti s-sehem u l-parteċipazzjoni ta’ diversi persuni li jrabbu n-naħal u jaħdmu fis-settur tal-produzzjoni tal-għasel.
Mhux se tonqos ukoll kompetizzjoni tal-ikbar qargħa ħamra f’Malta, li mistennija tkun l-ewwel kompetizzjoni tax-xorti tagħha f’Malta. Il-kompetizzjoni se ssir b’kollaborazzjoni ma’ The Malta Records.
L-attività se ssir nhar il-15 ta’ Settembru li ġej, u wieħed jista’ jikseb iktar informazzjoni mill-paġna ta’ Facebook ta’ Festa Qargħasel.
//= $special ?>