Spanja fetħet l-impenji tagħha fil-UEFA Nations League b’rebħa importanti ta’ 2-1 kontra l-Ingilterra f’Wembley Stadium.
L-Ingilterra fetħet l-iskor fil-11-il minuta meta Luke Shaw ħarab tajjeb fuq ix-xellug u krossja fil-baxx lejn Marcus Rashford li sab il-ballun quddiemu u għeleb lil David De Gea. Reazzjoni immedjata ta’ Spanja li ġabet id-draw żewġ minuti wara. Kien xogħol tajjeb ta’ Dani Carvajal fuq il-lemin, dan qassam lil Rodrigo li krossja għan-nofs fejn sab lil Saul Niguez li għeleb lil Jordan Pickford b’xutt fil-baxx.
Il-gowl li spiċċa biex iddeċieda l-logħba wasal fit-32 minuta meta minn free-kick mix-xellug, Rodrigo żmarka ruħu tajjeb fil-kaxxa u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Pickford.
Fit-tieni taqsima kien hemm mumenti ta’ tensjoni meta d-difensur Luke Shaw kellu jittieħed fuq stretcher fejn kellu bżonn l-ossiġinu wara li ħabat ras ma’ ras ma’ Dani Carvajal. Id-difensur laterali hu mifhum li ġie f’sensih fid-dressing tat-tim Ingliż u kien kapaċi jagħmel kuntatt mal-familja tiegħu b’telefonata.
L-Ingilterra kienet dehret li ġabet id-draw fis-97 minuta b’gowl tas-sostitut Danny Welbeck iżda r-referee ordna fawl fu il-gowlkiper De Gea, bir-ripetizzjonijiet juru li l-plejer ta’ Arsenal ftit għamel moviment.
Riżultati mill-UEFA Nations League
Diviżjoni A – Grupp 2 – Żvizzera v Iżlanda 6-0
Diviżjoni A – Grupp 4 – Ingilterra v Spanja 1-2
Diviżjoni B – Grupp 3 – Irlanda ta’ Fuq v Bożnja 1-2
Diviżjoni Ċ – Grupp 2 – Finlandja v Ungerija 1-0, Estonja v Greċja 0-1
Diviżjoni D – Grupp 2 – Belarus v San Marino 5-0, Lussemburgu v Moldova 4-0
//= $special ?>