L-Iran ikkundanna attakk li sar fuq konsulat tiegħu fl-Iraq u li laħaq l-eqqel tiegħu fost protesti kbar kontra l-korruzzjoni u nuqqas ta’ servizzi bażiċi għall-Iraqqin.
L-attakk seħħ f’Basra, li hi t-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u fejn il-folol kbar quddiem il-konsulat għajjtu kontra l-influwenza tal-Iran fuq il-politika Iraqqija. Ir-rapporti qalu li fost il-protesti tilef ħajtu almenu dimostrant u li oħrajn sfaw midruba fi ġlied mal-pulizija. Dan meta f’Basra il-protesti vjolenti saru kważi xi ħaġa ta’ kuljum.
Kelliem għall-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin sostna li l-attakk fuq il-konsulat ‘irriżulta fi ħsarat materjali konsiderevoli’ waqt li kkundanna din l-azzjoni mingħajr riservi.
Intant, il-membri kollha tal-istaff tal-konsulat kienu laħqu telqu minn hemmhekk qabel il-folol laħqu taw in-nar lill-bini.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi, qed jipprova jtaffi t-tensjoni fost il-wiegħdi li għandu jħaffef il-fondi għat-titjib tas-servizzi bażiċi f’Basra.
//= $special ?>

