Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li John Terry hu mistenni jiffirma kuntratt ta’ sena b’għażla għal sena l-oħra ma’ Spartak Moscow. Il-plejer ta’ 37 sena jinsab bla klabb wara li ħalla lil Aston Villa fi tmiem l-istaġun li għadda. Ilbieraħ filgħodu hu għamel l-eżami mediku mal-klabb Russu f’Ruma.
Oriġinarjament, Terry kien qed jagħti indikazzjoni li seta’ jerġa’ jilgħab ma’ Aston Villa dan l-istaġun wara li kien iddikjara li għadu ma kisibx dak li kellu jikseb f’Villa Park. Iżda issa l-eks captain tal-Ingilterra u Chelsea hu mistenni jingħaqad ma’ Spartak Moscow, tim li bħalissa jinsab it-tieni fil-Premier League Russu wara r-rivali Zenit St. Petersburg.
Jekk jingħaqad ma’ dan il-klabb Russu, din tkun l-ewwel esperjenza ta’ Terry barra mill-Ingilterra u jista’ jilgħab kontra Rangers taħt it-tmexxija ta’ Steven Gerrard fl-Europa League.
Spartak Moscow se jkun ir-raba’ tim li d-difensur ta’ 37 sena jilgħab miegħu fuq livell ta’ klabb. Hu ngħaqad ma’ Chelsea wara li qabel kien b’self ma’ Nottingham Forest. Ma’ Chelsea fost l-unuri hu rebaħ ħames darbiet il-Premier League, ħames darbiet l-FA Cup u ċ-Champions League fl-2012.
//= $special ?>