Lokali

FILMAT: Il-PN mhux se jħalli lill-Avukat Ġenerali jkun ogħla mil-liġi u l-poplu – Adrian Delia

Din hija l-ġlieda għal-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija

“Ir-rikors Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali mhix ġlieda fuq kawża fil-Qorti imma hija ġlieda għad-demokrazija. Din il-ġlieda għad-demokrazija jista’ jagħmilha biss il-Partit Nazzjonalista.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika bit-tema Soċjetà li Jimpurtaha f’Ħal Tarxien.

Dr Delia qal li qatt ma kien hawn kawża bħal din, fejn l-Avukat Ġenerali qed jikser il-liġi hu stess minflok jiddefendiha, meta ma jridx li jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Dan meta qed ikompli jiżbilanċja ruħu favur il-Gvern, iwaqqaf lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jaqdi dmirijietu skont il-Kostituzzjoni, ma jagħtihx aċċess għall-informazzjoni sħiħa u qed joħloq żbilanċ politiku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni meta l-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista għandu kopja sħiħa tal-inkjesta filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandux.

Adrian Delia qal li funzjoni importanti bħalma hija tal-Avukat Ġenerali qed tintuża favur il-Gvern u kull ġurnata li tgħaddi hija ġurnata kontra l-Oppożizzjoni. Huwa qal li dan huwa Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet, fejn l-ewwel ħataf lill-Kummissarju tal-Pulizija u issa ħataf lill-Avukat Ġenerali wkoll.

Dr Delia qal li l-konklużjonijiet tal-inkjesta kienu jkunu biżżejjed għall-Prim Ministru, iżda ngħata kopja sħiħa tal-inkjesta. Huwa qal li jekk il-Prim Ministru kellu bżonn l-informazzjoni sħiħa biex jaqdi dmirijieu, allura hu wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni għandu bżonn l-istess informazzjoni sabiex jaqdi dmirijiet skont il-Kostituzzjoni.

Dr Delia tkellem fuq l-immigrazzjoni u qal li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern fl-immigrazzjoni qed iħallu effett negattiv fuq il-komunitajiet tagħna, imma wkoll fuq setturi oħra bħall-prezzijiet, il-kirjiet, l-infrastruttura, l-pagi u t-traffiku. Dan meta l-Gvern żied l-immigrazzjoni u qed iġib 10,000 immgrant kull sena. Huwa qal li l-immigrazzjoni qed tispiċċa tħalli effett ukoll fuq is-sigurtà f’numru kbir ta’ lokalitajiet u jeħtieġ li n-nies jerġa’ jkollhom is-serħan tal-moħħ meta jkunu fit-toroq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Malta għandna tibqa’ tħares l-obbligi internazzjonali, l-obbligu li nsalvaw il-ħajja, għandna wkoll l-obbligu li nħarsu l-interess nazzjonali u l-identità Maltija. Għalhekk hawn bżonn ta’ pjan fit-tul fuq l-immigrazzjoni għax fl-aqwa żmien in-nies qed jgħix fl-irziezet, fit-toroq u fil-ġonna.

Adrian Delia qal li l-Gvern jiftaħar bl-ekonomija li qed tikber iżda għandna sitwazzjoni fejn l-ekonomija qed tikber bil-popolazzjoni u mhux għax in-nies qed jgħixu aħjar. Huwa qal li ż-żieda bla pjan fl-immigrazzjoni qed toħloq ukoll piż fuq il-familji u l-anzjani Malti u Għawdxin mhux biss biż-żidiet fil-kirjiet iżda wkoll bil-pagi baxxi u l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel.