Lokali

Bicycle Advocacy Group jelenkaw in-nuqqasijiet fil-proġett ta’ Triq l-Imdina

F’konferenza li għamlu propju fuq is-sit tal-proġett ta’ Triq l-Imdina, kelliema tal-Bicycle Advocacy Group spjegaw lill-ġurnalisti kif ix-xogħlijiet li saru f’dan il-proġett ħallew barra għal kollox is-suġġerimenti li kienu għamlu huma bħala grupp.

Kelliema għall-grupp spjegaw kif biex sar dan il-proġett, intilfet bicycle lane u minfloka saru marki fil-ġenb tat-triq u fis-service road ta’ mal-ġenb li huma magħrufa bħala sharrows. Dan ifisser li ċikilisti li jkunu qed jivvjaġġaw direzzjoni lejn Ħaż Żebbuġ minn Ħal Qormi, jridu jużaw sharrows fis-service road li qegħdin immarkati eżatt mal-ġnub tal-karozzi pparjkati. Dan ifiser li ċiklisti li jkunu qed isuqu skond dawn il-marki, jkunu qed jirriskjaw daqqa ta’ bieba ta’ karozza.

Fid-direzzjioni opposta ix-sharrows qegħdin fil-ġenb ta’ wahda mill-karreġġjati.

Il-periklu jiżdied meta ċiklist jasal ma waħda mir-roundabouts li hemm f’din it-triq hekk kif il-marki ma jagħtux lok għas-sigurta’ ta’ min qieghed fuq rota imdawwar bit-traffiku tal-karozzi.

Steve Zammit Lupi qal li kif inhuma dawn il-marki, iċ-ċiklist huwa mistenni li jsuq fil-ġenb u jagħti d-dritta lill-karozzi, u dan huwa ta’ periklu kemm għaċ-ċiklist kif ukoll għas-sewwieq. Huwa appella liċ-ċiklisti li se jużaw din it-triq biex ma jużawx il-ġnub tat-triq kif immarkat iżda biex iżommu fin-nofs tat-triq għas-sigurta’ tagħhom.

Appella wkoll lill-awtoritajiet biex iwaħħlu sinjali ‘Share the road’ sabiex sewwieqa jkunu iktar paċenzjużi u jagħtu ċans liċ-ċiklisti fit-toroq. Zammit Lupi żied li hemm bżonn li jkun hemm indikazzjonijiet iktar ċari tal-limitu tal-veloċita f’din iz-zona.

Hu qal li fi-dawl tal-problema dejjem tikber tat-traffiku, iċ-ċiklisti huma parti mis-soluzzjoni u li għalhekk hemm bżonn li l-awtoritajiet ipoġġu l-bżonnijiet u s-sigurta’ taċ-ċiklist bħala waħda mill-prijoritajiet tagħhom fi proġetti ġodda.

F’dan il-proġett, Zammit Lupi spjega kif iċ-ċiklistli reġgħu sfaw vittmi ta’ ppjanar ħażin. Dan minkejja li bħala grupp huma kienu għamlu s-suġġerimenti tagħhom fil-fażi bikrija tal-proġett. Suġġerimenti li ma ġewx milqugħa u li minflok, il-prijorita’ reġgħet ingħatat lill-karozzi.

Steve Zammit Lupi appella wkoll lit-Transport Malta sabiex jerġgħu jiġu ntrodotti bicycle lanes minflok ix-sharrows.

Bicycle Advocacy Group għamlu stedina lill-periti, uffiċċjali u politiċi sabiex jippruvaw huma stess jużaw rota fiz-zona tal-proġett sabiex jifhmu aħjar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw iċ-ċiklisti.

Il-grupp għamel ukoll referenza għall-fatt li waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna ffirma Declaration on Road Safety li ma tantx jidher li qed jimxu magħha l-awtoritajiet fit-twettiq tal-proġetti l-ġodda kif lanqas ma jidher li qed ikunu konsistenti fl-applikazzjoni ta’ miżuri skond l-Istrateġija Nazzjonali għat-Trasport 2050.

Ikkummenta