Novak Djokovic rebaħ l-Open tal-Istati Uniti għat-tielet darba meta fil-finali għeleb lil Juan Martin del Potro. B’dan is-suċċess hu kiseb l-14-il Grand Slam fil-karriera u laħaq lil Pete Sampras fit-tielet post fil-lista ta’ kull żmien.
Is-Serb rebaħ 6-3, 7-6, 6-3 bi prestazzjoni mill-aqwa fi Flushing Meadows. Wara li tilef it-tournament tas-sena l-oħra minħabba li weġġa’ l-minkeb tal-lemin. Hu mmarka r-ritorn tiegħu fl-ogħla livell meta rebaħ Wimbledon għar-raba’ darba f’Lulju.
Għal del Potro din kienet is-seba’ darba li lagħab fil-finali ta’ Grand Slam, iżda din id-darba ma kienx kapaċi jibda b’saħħtu mill-ewwel. Djokovic kellu service tajjeb u kiser is-service fit-tmien logħba. Is-Serb kien qed jilgħab fil-finali għat-tmien darba fl-Open tal-Istati Uniti u t-23 darba f’finali ta’ Grand Slam.
Meta rebaħ l-uniku Grand Slam fl-2009, del Potro kien għeleb lil Rafael Nadal u Roger Federer, u kien determinat li jkun kompetittiv meta baqa’ fil-logħba fil-ftuħ tat-tieni set. Hu deher li ċeda għall-pressjoni fit-tielet logħba, b’Djokovic fil-kmand tal-logħba.
Iżda del Potro wieġeb tajjeb biex ġab id-draw 3-3 filwaqt li s-sapport għat-tennist Arġentin deher itellef il-konċentrazzjoni ta’ Djokovic. It-tmien logħba damet aktar minn 20 minuta, bi tmien deuces. Il-logħba marret għal tie-break li fih is-Serb ta’ 31 sena rkupra minn 3-1 minn taħt biex rebaħ sitta mis-seba’ punti ta’ wara biex rebaħ it-tieni set li dam 95 minuta.
Djokovic kien tilef l-aħħar ħames finali fi Flushing Meadows iżda kien determinat li jirbaħ il-finali hekk kif beda jiddefendi tajjeb filwaqt li ma kienx qed jaħfer fl-attakk, minkejja li del Potro baqa’ jissielet.
L-ewwel double-fault ta’ del Potro flimkien ma’ sensiela ta’ żbalji, wasslu biex Djokovic rebaħ il-finali fi tliet sigħat u 16-il minuta. Minn meta lagħab fuq il-ħaxix tal-Queen’s Club f’Ġunju, Djokovic tilef biss żewġ logħbiet filwaqt li tejjeb ir-rekord personali kontra del Potro bi 15-il rebħa minn 19-il logħba.
//= $special ?>