Lokali

Ebda rapport lill-Pulizija fil-każ tal-allegat qtil tal-qattus fi stabiliment f’Għajn Tuffieħa

Appell lil kull min seta’ għandu xi forma ta’ informazzjoni

Wara laqgħa mal-Kummissjarju tal Pulizija nhar il-Ġimgħa, l-Lega Għad-Difiża tal-Annimali skopriet li ma kien hemm ebda rapport uffiċjali rappurtati lill-Pulizija dwar il-każ tal-allegat qtil tal-qattus ferħ fi stabbiliment f’Għajn Tuffieħa.

Il-qattus ferħ inqatel wara li dan mar jittallab x’jiekol mingħand in-nies li kienu qegħdin jieklu hemm nhar il-Ħadd 12 t’ Awwissu. Filwaqt li l-pulizija ħadu diversi verzjonijiet dwar dak li ġara mingħand nies differenti, ma kien hemm ebda rapport uffiċjali mingħand ix-xhieda.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

Il-Lega Għad-Difiża tal-Annimali qegħda tagħmel appell lil kull min seta’ għandu xi forma ta’ informazzjoni, anki jekk dawn diġa tkellmu mal-Pulizija, biex jikkuntatjaw lill-Lega minnufih biex jingħataw l-assistenza assoluta, f’kull stadju tal-każ.

Il-membri tal-Lega, flimkien mal-avukati tagħhom saħansitra qegħdin joffru li jakkumpanjaw lil individwi meta jiġi biex isir rapport uffiċjali.

Mhux hekk biss, iżda l-Lega Għad-Difiża tal-Annimali qegħda toffri somma sostanzjali lil kull min jagħti informazzjoni li twassal biex jiġi solvut il-każ.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħmel kuntatt mal -Lega Għad-Difiża tal-Annimali fuq 77550550 jew b’email adlmaltaeu@gmail.com jew anki fuq is-sit tal-Facebook Animal Legal Defence Team.