Ambjent Lokali

Fjamming u Russett Griż l-aħħar vittmi ta’ kaċċa llegali

“Ħadd ieħor imdemmi”. Hekk iddeskrivietu l-jum tal-bieraħ l-għaqda Birdlife wara li f’żewġ inċidenti separati instabu għasafar protetti b’feriti minn armi tan-nar.

Turist li kien fiz-zona tal-kosta tad-Dwejra Għawdex sab ferħ ta’ fjamming f’diffikulta’. Il-fjamming instab fi stat debboli ħafna u minn x-rays li tteħdulu rriżulta li kellu biċċiet kbar taċ-ċomb f’ġismu kif ukoll emoraġija nterna. L-għasfur ġie mgħoddi lill-pulizija u lill-Wild Birds Regulation Unit.

Intant f’inċident separat russett griż ġie salvat minn membri tal-pubbliku meta nstab f’diffikulta’. L-għasfur inġabar mill-kosta ta’ Marsaskala u wkoll ġie mgħoddi lill-pulizija u lill-veterinarji. Ir-russett kellu ġewnaħ żlugat, sieq miksura u feriti li jirriżultaw minn arma tan-nar.

Iż-żewġ għasafar huma speċi protetti bil-liġi. Kemm ilu li fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fl-1 ta’ Settembru, kienu 5 l-għasafar protetti li nstabu feruti.

F’post fuq Facebook, Birdlife appellat lill-Prim Ministru, li s’issa għadu ma lissen l’ebda kelma dwar dawn il-każi, sabiex jieħu pożizzjoni dwar is-sitwazzjoni u jagħmel dak kollu possibbli biex dal-massakru jieqaf.