L-ebda avvanzi fid-diskussjonijiet mal-Gvern dwar it-tilwima industrijali mal-Aġenzija Sapport.
Il-ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija Sapport komplew jobdu d-direttivi ordnati mill-UĦM Voice of the Workers li ġew fis-seħħ il-Ġimgħa li għadda. B’kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil hemm mat-800 klijent tal-aġenzija li qed jiġu affetwati hekk kif is-servizz mhux qed jingħata bħas-soltu.
Il-ftehim kollettiv li hemm preżenti bejn il-ħaddiema u l-Aġenzija Sapport ilu kważi ġa sentejn skadut għax kien mħejji sa’ Diċembru 2016.
Net News tkellem mal-manager tar-Relazzjonijiet tax-Xogħol tal-UĦM Voice of the Workers, Isabelle Farrugia fejn qaltilna li mit-Tnejn daħlu fis-seħħ azzjonijiet oħra min-naħa tal-ħaddiema, fosthom li m’humiex se jużaw il-karozzi personali tagħhom, mhux se jkunu qed jużaw trasport mibgħut lilhom, u lanqas jużaw skorta. Il-ħaddiema wkoll ma bdewx iwettqu assesments jew case reviews tul il-ħidma tagħhom.
Il-UĦM Voice of the Workers il-Ġimgħa ħabbret li ordnat lil madwar 500 impjegati ta’ Agenzija Sapport biex fost oħrajn, ma jieħdux ordnijiet mill-managers tagħhom, ma jirrispondux telefonati u lanqas email. Huma se jkunu wkoll qed jinjoraw l-ordnijiet tal-maniġers u mhux se jiffirmaw it-‘time sheet’ ħlief għall-over-time. Il-Ġimgħa wkoll daħlu fis-seħħ li PWC ma jbiddlux mal-leaders jew coordinators u kif ukoll dan ma jsirx viċi-versa.
Persuni oħra qalulna li l-ftehim kollettiv li hemm preżenti bejn il-ħaddiema u l-Aġenzija Sapport ilu kważi ġa sentejn skadut għax kien mħejji sa’ Diċembru 2016.
Tweġiba tal-Gvern.
Intant fi stqarrija b’referenza għad-direttivi industrijali ordnati mill-Union Ħaddiema Magħqudin f’Aġenzija Sapport, is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jħoss illi l-azzjonijiet meħuda mill-UĦM huma sproporzjonati u eċċessivi, dan għaliex diġà ngħataw żidiet tajbin kemm fil-paga bażika u anke f’numru t’allowances li l-istess union taqbel magħhom.
Is-Segretarjat Parlamentari flimkien mat-tmexxija tal-Aġenzija Sapport appellaw lil UĦM sabiex biex ma jibqgħux ibatu l-persuni b’diżabilità, jitneħħew id-direttivi li qed isiru biss minħabba t-tnax-il impjegat. Huma appellaw biex il-union tersaq għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv, għax skont l-istess segretarjat dan se jkun posittiv għal kulħadd.
Tweġiba mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ persuni b’Diżabilità
Kif ukoll permezz ta’ stqarrija, b’reazzjoni għal dan kollu l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ persuni b’Diżabilità qalet li l-benessri ta’ 500 persuna b’diżabilità m’għandu qatt jintuża bħala pedina f’tilwim industrijali.
Il-Kummissjoni qalet li b’dispjaċir tinnota kif l-azzjoni industrijali msejħa mill-UĦM Voice of the Workers qed taffettwa ħażin il-ħajja ta’ madwar 500 mitt persuna b’diżabilità li jużaw is-servizzi tal-Aġenzija Sapport.
Hija awgurat li tinstab soluzzjoni fil-qrib u insistiet li persuni b’diżabilità m’għandhom qatt jintużaw bħala pedini f’tilwim industrijali.
//= $special ?>