Wara d-draw kontra l-Polonja, it-tim nazzjonali Taljan kien qed ifittex reazzjoni biex jiġbor il-punti, iżda fit-tieni logħba spiċċa megħlub 1-0 mill-Portugall. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fit-48 minuta mill-eks plejer ta’ Milan Andrè Silva li għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’xutt fil-baxx għar-rokna, wara li l-attakkant żmarka ruħu fil-kaxxa.
Wara l-partita Roberto Mancini qal li jridu jfittxu li jillimitaw l-iżbalji individwali. “Il-plejers illejla taw kollox imma rridu nfittxu r-rimedji u jirnexxilna nagħmlu gowl.” Mancini kompla li mill-ewwel logħba, fl-ewwel taqsima żammew aktar il-ballun, biż-żewġ attakkanti lagħbu aħjar ma’ xulxin.
Il-kowċ nazzjonali Taljan tenna li m’hemm xejn x’jagħmlu ħlief li jitjiebu. Hu saħaq li meta plejer żagħżugħ u ma jilgħabx f’livelli għolja, ikun f’diffikultà. Mistoqsi jekk hux se jkun hemm tim nazzjonali differenti f’Ottubru, Mancini qal li “meta titjieb il-kundizzjoni mmorru aħjar, imma hemm bżonn is-soluzzjonijiet għaliex mhux qed jirnexxilna niskorjaw u din hi problema li rridu nsolvu.”
Roberto Mancini żied li kien jaf li hemm id-diffikultajiet iżda issa jafuhom aħjar fejn tenna li kieku ma kienx hemm problemi, l-Italja kienet tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja. Hu saħaq li kontra l-Portugall kien hemm min iddebutta u għamel affarijiet tajba.
“Hemm bżonn nieħdu r-riskji u nagħtu esperjenza lil dawn iż-żgħażagħ f’dawn il-logħbiet. Inkella hi diffiċli li nimxu din it-triq malajr.”
Mancini ħares lejn l-aspetti pożittivi fejn semma li t-tim Taljan prova sal-aħħar tant li ssugraw isofru t-tieni gowl. Hu saħaq li fil-mument għandu ftit ċertezzi u qal li bħalissa hemm plejers oħra li huma mweġġgħin jew barra l-forma.
Il-kowċ Taljan żied jgħid li jekk jikkritikaw lilu mhix problema iżda tenna li ż-żgħażagħ huma ż-żgħażagħ u jrid ikollhom l-għajnuna. Hu temm li mhux deluż iżda sostna li hemm ħafna xogħol xi jrid isir.
//= $special ?>