Lokali

Id-diskors ta’ Adrian Delia dwar in-nuqqas ta’ pjan fl-immigrazzjoni lejn pajjiżna huwa riflessjoni ta’ dak li qed iħossu n-nies

Id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni lejn pajjiżna huwa riflessjoni ta’ dak li qed iħossu l-Maltin u l-Għawdxin. Li wieħed jiddiskuti l-impatt soċjali, ekonomiku, ambjentali u infrastruttali ta’ immigrazzjoni bla pjan, b’rata mgħaġla, fi żmien tant qasir u f’kuntest ta’ art limitata u riżorsi skarsi huwa obbligu ta’ Oppożizzjoni serja u matura li tħares l-interess nazzjonali u l-interess taċ-ċittadini kollha ta’ din l-art.

Il-Partit Nazzjonalista jiċħad bil-qawwa kollha li d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien b’xi mod infjammatorju. Għal kuntrarju tul d-diskors tiegħu Dr Delia f’ebda mument ma esprima jew mexxa sentimenti li jmorru kontra d-dinjità jew d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Huwa esprima b’mod ċar li għandu jkun hemm l-assistenza kollha għal min jista’ jitlef ħajtu f’nofs ta’ baħar. Huwa attakka u kkundanna wkoll il-fatt li diversi persuni barranin sabu ruħhom sfruttati u miżmuma f’razzett jgħixu f’kundizzjonijiet diżumani jew inkella jorqdu barra fil-ġonna. Huwa tkellem ukoll favur dawk il-barranin li tħalltu b’mod pożittiv mal-Maltin u l-familji tagħhom u saħaq dwar il-bżonn ta’ pjan serju ta’ integrazzjoni.

Iżda bl-istess mod kien f’obbligu li jitkellem dwar faqar ġdid li qed toħloq il-politika ta’ tkabbir bla rażan u bla pjan tal-poplazzjoni li jolqot kemm lill-barranin kif ukoll lill-Maltin minħabba kirjiet ta’ akkomodazzjoni li dejjem jogħlew u kundizzjonijiet ta’ xogħol mhux adekwati.  Faqar li qed iġib miegħu kriminalità li qed tinkwieta bil-bosta lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Partit Nazzjonalista huwa gwardjan kburi tal-kostituzzjoni ta’ pajjiżna li se nkunu qed niċċelebraw fil-ġranet li ġejjin meta nikkomemoraw il-kisba tal-Indipendenza. Il-valuri tal-istess kostituzzjoni inkluż l-identità tagħna bħala Maltin huma l-boxxla tal-politika tagħna.