L-awtoritajiet Franċizi fetħu investigazzjoni fuq suspett ta’ omiċidju wara li raġel ta’ dixxendenza Afgana attakka numru ta’ persuni b’sikkina, fiċ-ċentru ta’ Pariġi.
L-attakk seħħ tard fil-lejl tal-Ħadd u fih spiċċaw midruba talanqas seba’ persuni, flimkien mal-aggressur li spiċċa arrestat mill-pulizija li, imbagħad, ittrasferewh lejn l-isptar.
L-awtoritajiet , sadanittant, ma kenux lesti biex jizvelaw id-dettalji tal-investigazzjoni jew jitkellmu pubblikament dwaru. Intant, ingħad li l-investigaturi ma kenux qed jissuspettaw li l-attakk seta’ kellu xi skop terroristiku – almenu sa dik il-fazi tal-inkjesta.
Sar magħruf ukoll, sigħat wara l-attakk, li erba’ mill-vittmi tal-aggressur jinsabu f’kundizzjoni serja u li waħda mill-feruti kienet tinsab f’periklu li titlef ħajjitha.
Il-pulizija lanqas ma provdew informazzjoni dwar l-identitajiet tal-vittmi tal-attakk għalkemm magħruf li fost dawn kien hemm xi turisti Britanniċi.
L-aggressur – li spiċċa mitluf minn sensih ftit qabel l-arrest – kien armat anki b’ħadida u, skont ir-rapporti, hu ħebb għal erba’ persuni li kienu quddiem is-swali ta’ ċinema fid-dsatax il-distrett ta’ Pariġi. L-armat, imbagħad, ġera lejn triq fil-viċinanzi fejn beda jxejjer bis-sikkina lejn tliet persuni oħra li sfaw feruti u sakemm hu spiċċa mrazzan minn persuni oħrajn fl-inħawi.
Dik iz-zona partikulari tal-kapitali, bħal dan iz-zmien tas-sena, ikun ippakkjat bir-residenti lokali kif ukoll bit-turisti li jkunu qed iqattgħu l-ħin liberu tagħhom huma u jieħdu sehem f’diversi attivitajiet.
//= $special ?>