Internazzjonali

L-Iżvezja: Żmenijiet ta’ inċertezza, b’ Lofven determinat li jibqa’ imexxi

L-Iżvezja x’aktarx li qed tiffaċċja ġimgħat ta’ inċertezza politika wara li ż-żewġ entitajiet politiċi rivali naqsu milli jirbħu maġġoranza ċara, fl-elezzjonijiet tal-Ħadd.

F’din is-sitwazzjoni, il-Partit Demokratiku tal-Iżvezja – li hu partit estremista tal-lemin bl-għeruq fin-neo-nażiżmu – irnexxielu jżid l-appoġġ, f’riżultat li jirrifletti l-inkwiet tal-elettorat Żvediż dwar l-immigrazzjoni lejn pajjiżhom fuq skala kbira.

Waqt li laħqu ngħaddu l-parti kbira tal-voti, l-entita taċ-ċentru-xellug fil-Gvern dehret li kellha vantaġġ żgħir ħafna fuq l-alleanza taċ-ċentru-lemin fl-Oppożizzjoni. Dan meta ż-żewġ gruppi rivali kellhom madwar 40 fil-mija tal-appoġġ popolari kull wieħed.

Intant, l-osservaturi fl-Ewropa huma preokkupati dwar il-Partit Demokratiku tal-Iżvezja – li qed imexxi politika kontra l-immigranti –wara li dan rebaħ talanqas 18 fil-mija tal-vot popolari (‘il fuq mit-13 fil-mija tal-appoġġ li kien kiseb erba’ snin ilu).

Dan il-partit estremista, fl-aħħar snin, ipprova jimmodera d-dehra tiegħu f’għajnejn l-elettorat waqt li, fl-istess ħin, irnexxielu jiggwadanja, politikament, mill-isfidi tal-pajjiż biex jintegra lill-mijiet tal-eluf tal-immigranti li waslu l-Iżvezja f’dawn l-aħħar snin.

Il-Prim Ministru Żvediż, Stefan Lofven, li l-Partit Soċjal Demokratiku tiegħu kien rebaħ il-Gvern fl-2014, intant, qal li beħsiebu jkompli jmexxi pajjiżu. L-entita taċ-ċentru-xellug li qed imexxi Lofven qed tidher li kisbet l-akbar appoġġ (bejn it-28 u d-29 fil-mija) meta l-għadd tal-voti jinsab qrib il-konklużjoni. Madankollu mhux eskluż li dan il-partit jispiċċa b’anqas siġġijiet fil-Parlament minn ta’ erba’ snin ilu.

Min-naħa tiegħu, Anders Ygeman, il-Ministru tal-Intern Żvediż u Soċjal Demokratiku, qal li hu ma jeskludix ‘alternattiv għall-Gvern attwali’ u li hu jista’ jeskludi biss ‘kwalunkwe koperazzjoni diretta jew indiretta mal-Partit Demokratiku tal-Iżvezja’.

Ygeman jemmen ukoll li jrid ikun l-akbar partit li jifforma Gvern ġdid fl-Iżvezja u meta din kienet dejjem it-tradizzjoni fil-pajjiż.

Intant, in-negozjati għall-formazzjoni ta’ Gvern fi Stokkolma jistgħu jdumu għaddejjin għall-ġimgħat u x-xhur, bl-inċertezza mistennija tinħass fil-jiem li ġejjin.