Futbol Sport

Malta tikseb punt fl-ewwel logħba f’darna għaż-Żażu

(Ritratt: Domenic Aquilina)
Dan kien l-ewwel punt fil-UEFA Nations League

Rapport: George Cassar

MALTA………………. 1

AŻERBAJĠAN…….. 1

Malta: A. Hogg, S. Borg, A. Agius (F. Apap 50’), R. Camilleri, J. Mbong, J. Zerafa, P. Fenech, R. Fenech (R. Briffa 64’), A. Schembri, M. Mifsud, J.P. Farrugia (A. Effiong 77’)

Ażerbajġan: K. Agayev, P. Pashayev (U. Abbasov 31’), T. Khalilzade, M. Medvedev, B. Huseynov, G. Garayev, R. Almeida, M. Medatov, D. Nazarov, E. Makhmudov ( J. Imamverdiyev 56’), R. Aliyev (R. Sheydaev 68’)

Imwissija: J. Zerafa 30’,  A. Hogg 90’, M. Mifsud 90′ (M), G. Garayev 85’ (A)

Skorjaw: A. Agius 10′ pen (M), T. Khalilzade 26’ (A)

Referee: N. Dabanovic (Montenegro)

Assistenti Referees: M. Djukic, J. Tatar

Assistenti Referees Addizzjonali: M. Milacic, M. Boskovic

Attendenza: 4,500

Malta kisbet l-ewwel punt minn Grupp D3 tal-UEFA Nations League f’parità kontra l-Ażerbajġan f’dik li kienet ukoll l-ewwel logħba f’darna għall-kowċ Ray Farrugia. Din kienet it-tieni parità konseukttiva ta’ Malta kontra l-Ażerbajġan f’partita kompetittiva wara li tliet snin ilu l-partita f’Ta’ Qali bejn iż-żewġ nazzjonijiet kienet intemmet 2-2.

Il-plejers Maltin irreaġixxew tajjeb ħafna għall-kritika li kellhom wara r-riżultat negattiv ta’ nhar il-Ġimgħa kontra l-Gżejjer Faeroe biex finalment inkiseb riżultat utli.

It-tim Malti kellu l-ideat u mexxa tajjeb ħafna l-ballun, kien dixxiplinat fuq wara u ma beżax jattakka mingħajr ma waqa’ jiddefendi f’xi ħin tal-partita. Fl-attakk Mifsud, Schembri u Farrugia bdew iħabbtu l-ballun tajjeb ma’ xulxin, iżda forsi naqqsu li jikkonkludew wisq hekk kif twaqqgħu spiss fin-nasba tal-offside mid-difiża avversarja.

Kollox ma’ kollox għandha tkun prestazzjoni li tagħmel kuraġġ lit-tim Malti għall-kumplament tal-partiti ta’ dan il-grupp bit-tama li nieħdu iktar punti u nevitaw l-aħħar post.

Il-kowċ Ray Farrugia għamel tliet bidliet minn din l-aħħar partita. It-tliet difensuri kienu Steve Borg. Andrei Agius u Ryan Camilleri b’dan tal-aħħar jieħu post Zach Muscat u jkollu prestazzjoni mill-aqwa fuq wara. Joseph Zerafa u Joseph Mbong żammew posthom fuq il-faxxa xellugija u leminija rispettivament biż-żagħżugħ ta’ Hibernians jkompli fuq il-forma li kellu fl-aħħar partita b’ġirjiet veloċi fejn waħda minnhom għal ftit ma ssarrfitx f’gowl.

F’nofs il-grawnd kien hemm il-koppja Paul Fenech u Ryan Fenech li mill-aħħar logħba ħa post Rowen Muscat. Fl-attakk Michael Mifsud u Andre Schembri mil-lemin u x-xellug rispettivament appoġġjaw lill-atakkant ta’ Sliema Wanderers Jean Paul Farrugia li beda minflok Alfred Effiong.

Malta fetħet l-iskor wara għaxar minuti. L-azzjoni bdiet minn throw-in mil-lemin ta’ Joseph Mbong, b’Jean Paul Farrugia jniżżel il-ballun lejn Michael Mifsud li twaqqa’ fil-kaxxa minn Badavi Husejnov.

Ir-referì Montenegrin Nikola Dabanovic ipponta immedjatament lejn il-penalty spot. ANDREI AGIUS ħa r-rersponsabbiltà u b’kunfidenza ta’ veteran spara l-ballun fir-rokna leminija ta’ fuq li l-gowlkiper Ażerbajġani għolla idu għalih iżda ma seta’ qatt jilqgħu.  Dan kien ir-raba’ gowl ta’ Andei Agius mat-tim Nazzjoanli Malti.

L-Ażerbajġani resqu qrib f’nofs l-ewwel taqsima. Minn kross mix-xellug ta’ Tamkin Khalilzade, Dmitri Nazarov kompla għan-nofs b’Mahir Medatov jiġi minn wara, imattar siequ u jolqot il-wieqfa.

Fis-26 minuta wasal il-gowl tal-parità tal-Ażerbajġan. Kollox beda minn freekick ta’ Richard Almeida li l-gowlkiper Malti Andrew Hogg intefa’ fuq il-lemin u mbotta l-ballun ’il barra. Madankollu l-ballun wasal f’tarf il-kaxxa għand TAMKIN KHALILZADE li tefa’ fir-rokna tax-xibka b’Hogg seta’ biss jieqaf iħares lejn il-ballun dieħel.

Qabel intemmet l-ewwel taqsima, il-Maltin kellhom free-kick tattiku li beda minn Ryan Fenech, b’Andre Schembri jkompli bit-takkuna lejn Michael Mifsud li iżda kien antiċipat mill-ħarġa puntwali tal-gowlkiper Kamran Agayev.

Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima wasal l-aħjar ċans tal-partita għall-Maltin. Joseph Mbong irċieva mingħand Michael Mifsud u kellu ħarba veloċi mal-lemin li temmha bi kross fejn kien hemm żewġ plejers żmarkati. Finalment kien Paul Fenech li kkonkluda bir-ras bil-partitarji Maltin qamu jgħajtu jiċċelebraw il-gowl qabel ma rrealizzaw li l-ballun kien laqat biss ix-xibka minn barra.

F’dik l-istess minuta weġġa’ Andrei Agius li nbidel ma’ Ferdinando Apap f’dik li kienet l-ewwel logħba kompetittiva bil-flokk ta’ Malta għall-Għawdxi ta’ Victoria Hotspurs.

Il-Maltin baqgħu jaqsmu l-logħob għall-kumplament tat-tieni taqsima. Tliet minuti mit-tmiem is-sostitut Alfred Effiong bena azzjoni personali imbagħad ipprova jiftaħ lejn Michael Mifsud li iżda kien antiċipat mill-gowlkiper.

Is-suffara finali kienet segwita mis-sodisfazzjon tal-plejers u l-partitarji Maltin li ċċelebraw il-kisba ta’ dan l-ewwel punt bit-tama li jkun wieħed minn oħrajn li jiġu miksuba f’dan il-grupp.

Malta issa tilgħab f’nofs Ottubru żewġ partiti barra minn darna kontra l-Kosovo u l-Ażerbajġan.