Lokali

Ritratti: “Indipendenza li hija tassew twelid ta’ nazzjon” – Adrian Delia

Radd il-ħajr u ġieħ lil Gabriel Caruana, bħala wieħed mill-pijunieri fl-arti moderna u kontemporanja Ewropea. Tifsira ta' ħila Maltija.

Ma nistgħux nibqgħu naħsbu biss f’issa, hemm bżonn li fil-ħidma tagħna, anki fil-politika naħsbu f’dak li nħallu warajana, f’dak li se jgawdu uliedna.

Dan kien il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, għall-ftuħ tal-esebizzjoni tal-arti f’ġieħ Gabriel Caruana fid-Dar Ċentrali tal-Partit. Fl-istess diskors Adrian Delia fakkar is-snin 60, snin li fissru indipendenza ta’ poplu, t’identità Maltija li kompliet tikber ma’ din il-kisba. Indipendenza li hija tifsira tassew ta’ twelid ta’ nazzjon.

Fost ir-radd il-ħajr u l-ġieħ li Adrian Delia ta lil Caruana, huwa qal li Caruana huwa meqjus bħala wieħed mill-pjunieri fl-arti moderna u kontemporanja Ewropea, u dan huwa eżempju ċar tal-kapiċitajiet Maltin, tal-poplu f’kull aspett.

Il-Kap tal-PN qal li Gabriel Caruana bl-arti tiegħu baqa’ żgħażugħ fl-ispirtu, u b’hekk l-arti tiegħu kompliet tifjorixxi u se nibqgħu ngawduha anki wara mewtu.

Tkellem ukoll il-Profs Richard England fejn fost l-oħrajn huwa qal li Caruana huwa artist ikoniku, u tista’ tgħid li l-istess Caruana kien parti mill-istess revoluzzjoni artistika dinjija tas-snin 60. Huwa qal li għalkemm modern, Gabriel Caruana ħares li ma jitlaqx l-element tradizzjonali li wassalna sal-Indipendenza u li għadhom jissoktaw sal-lum.