Hekk tenna l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Ray Farrugia fil-kummenti tiegħu lill-media wara l-partita.
Farrugia qal li għalkemm hu jkun dejjem iktar kuntent b’rebħa, jinsab sodisfatt bir-riżultat u jħoss li dan kien wieħed ġust. Iż-Żażu qal li tattikament it-tim kien kważi perfett u minkejja li lgħabna kontra tim aħjar minna, il-plejers Maltin urew il-qalb.
Farrugia qal li b’din l-attitudni għandna fejn nimxu ’l quddiem iżda dan nistgħu nagħmluh billi nibqgħu kollha magħqudin flimkien wara t-tim nazzjonali Malti. Huwa qal li hu u l-plejers qed jaħdmu iebes biex iġibu n-nies lura lejn il-grawnd biex jappoġġjaw lit-tim nazzjonali Malti.
Ray Farrugia reġa’ faħħar speċifikament il-wirja taż-żagħżugħ Joseph Mbong. Semma wkoll il-wirja pożittiva ta’ Ferdinando Apap li daħal fit-tieni taqsima minflok Andrei Agius iżda emfasizza li dan kien sforz kollettiv mill-iskwadra kollha.
Il-kowċ Malti qal li l-plejers irrispondew tajjeb u qed japprezzaw ukoll dak kollu li qed tagħmel l-MFA li fi kliemu qed tagħmel minn kollox għal dan it-tim.
Dwar il-grupp li qed jikkompeti fih it-tim Malti, il-kowċ nazzjonali qal li huwa jħoss li l-Kosovo huwa l-iktar tim b’saħħtu li r-ranking baxx li għandu bħalissa ma jirriflettix is-saħħa tiegħu u hemm plejers li diġà lagħbu ma’ timijiet nazzjonali ta’ pajjżi oħra.
Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ plejers Maltin li jilagħbu regolari fil-Kampjonat Premier, Farrugia ammetta li hemm aċċess limitat għall-plejers Maltin imma hu jinsab ikkonċentrat biex jaħdem fuq il-plejers li hemm bħalissa.
//= $special ?>