Lokali

Aktar protesti mill-ekwipaġġ tal-Lifeline

Il-każ fil-Qorti pospost għal Ottubru

75 jum wara li l-vapur Lifeline ġie miżmum f’pajjiżna bl-ekwipaġġ b’kollox, il-Kaptan Olandiż Klaus-Peter Reisch mexxa protesta minn quddiem Kastilja sal-Qorti.

Jakkumpannjaw lill-Kaptan f’din il-protesta kien hemm uħud mill-membri tal-ekwipaġġ tal-istess vapur.

L-ekwipaġġ qed jipprotesta għall-fatt li 75 jum wara li ġew miżmuma f’pajjiżna, l-awtoritatjiet għadhom ma ġabux provi ta’ aġir illegali minn naħa tal-Lifeline.

Tul il-protesta, il-membri tal-ekwipaġġ libsu maskri b’uċuh tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, u l-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini. Huma kellhom ukoll idejhom miżbugħin b’żebgħa ħamra, simbolu li l-mexxejja tal-Ewropa għandhom idejhom imċappsin fid-demm ta’ dawk li tilfu ħajjtihom fil-baħar riżultat tan-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tagħhom.

Intant il-każ fil-Qorti reġa ġie pospost għal Ottubru.