Internazzjonali

Il-Libja: Jegħrqu ’l fuq minn 100 immigrant f’inċident ieħor

Il-grupp Medecins Sans Frontieres (MSF) żvela li mietu ‘il fuq minn 100 immigrant li kienu qed jivvjaġġaw b’żewġ dinghies, fi traġedja oħra li seħħet aktar kmieni fix-xahar, ‘il hinn mill-kosta Libjana. Din tidher li hi l-akbar ċifra tal-mewt għal inċident ta’ dan it-tip fil-Mediterran, għal ħafna xhur.

Sar magħruf li ż-żewġ dinghies kienu telqu lejn l-Ewropa fil-bidu ta’ Settembru u fejn wieħed minnhom żviluppa l-problemi u għereq, bil-konsegwenza li mietu ħafna mill-immigranti ta’ fuqu. Fl-inċident salvaw 276 immigrant li, eventwalment, ittieħdu lejn il-belt tal-port Libjana ta’ Khoms, fix-xlokk ta’ Tripli. Skont l-MSF, dawn l-immigranti, fil-preżent, qegħdin jinżammu taħt kundizzjonijiet ta’ ‘detenzjoni arbitrarja’.

L-immigranti li għexu minn din it-traġedja jinkludu nisa tqala, tfal u trabi u l-paramediċi tal-MSF trattaw lil ħafna minnhom għall-pneumonia u diversi ġrieħi li ġarrbu.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni qalet li s’issa, din is-sena, mietu ’l fuq minn 1,500 immigrant waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran. Filwaqt li salvaw ħafna immigranti oħra, l-Italja, illum, qed tirrifjuta li tagħti aċċess lill-bastimenti li qegħdin iġorru lill-immigranti li jkunu ttellgħu mill-baħar.

L-ammonti tal-immigranti li qegħdin jaqsmu l-Mediterran jidhru li naqsu mill-‘massimu’ ta’ aktar minn miljun, fl-2015, iżda l-vjaġġi bil-baħar lejn l-Ewropa sar għandhom ‘element qattiel akbar’. Dan meta r-rapporti jindikaw li ‘qed imutu aktar immigranti bi proporzjon ma’ dawk li qegħdin jaslu l-Ewropa (wara dawn il-vjaġġi)’.

Għad hemm ukoll tħassib dwar l-immigranti li qed jinżammu l-Libja, b’rapporti li ħarġu xhur ilu jitkellmu dwar immigranti li ġejjin mill-pajjiżi Afrikani taħt is-Sahara u li qegħdin jinħatfu għal rahan, inkella qed jinbiegħu bħala skjavi fit-territorji Libjani.