Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra passi dixxiplinarji għall-Ungerija

Il-Parlament Ewropew, bħalissa, qed jiddiskuti l-possibbiltà ta’ proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-Ungerija. Id-deputati fl-assemblea, intant, qed jinvolvu ruħhom f’dibattitu dwar jekk il-Gvern Ungeriż tal-lemin, immexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban, jimponix ‘sogru serju’ għall-valuri tal-Unjoni Ewropea minħabba l-politika tiegħu rigward l-immigrazzjoni.

Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea, ftit xhur ilu, kienet implimentat proċeduri simili għall-Polonja, din hi l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew qed jipprova jeżerċita l-poter, permezz ta’ Artiklu 7, fir-rigward ta’ pajjiż taħt dawn iċ-ċirkustanzi.

Il-Prim Ministru Orban, fil-preżent, qed jiddefendi l-pożizzjoni ta’ pajjiżu quddiem il-Parlament Ewropew meta hu u l-Partit Fidesz tiegħu qed jgħidu li ‘ilhom solvuti ħafna mill-akkużi kontrihom fuq issues relatati għall-amministrazzjoni tal-liġi ( tal-Ewropa)’. Orban qal, illum, li l-UE ‘qed tinsolenta lil pajjiżu’ waqt li insista li l-Ungerija ‘mhix se tbaxxi rasha għal rikatt’.

Viktor Orban, li hu ewroxettiku, reġa’ ġie elett f’pajjiżu, din is-sena, wara li mexxa kampanja kontra l-immigrazzjoni – u bil-Partit Fidesz jirbaħ żewġ-terzi tas-siġġijiet fil-Parlament.
Madankollu, il-kritiċi fil-Parlament Ewropew qed jgħidu li ‘il-politika ( ta’ Orban) trid titqies bħala provi li hu ma jirrispettax il-valuri tal-UE’.

Kumitat ta’ MEPs qed jgħid li l-provi ġejjin mill-mod kif il-Gvern Ungeriż qed jaġixxi rigward l-immigrazzjoni u meta fl-Ungerija hemm liġi ġdida li timponi ‘stat ta’ reat’ għall-avukati u attivisti li jgħinu lill-immigranti li qegħdin ifittxu kenn politiku.

Madankollu, xejn anqas minn żewġ-terzi tad-deputati fil-Parlament Ewropew iridu jappoġġjaw il-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-Ungerija biex dawn isiru effettivi.

Dan meta mhux ċar kif se jiżvolġi l-vot inkwistjoni li jsir għada.