Lokali

Il-valur tal-ħajja hu l-aktar valur għal qalb il-Partit Nazzjonalista – Adrian Delia

“Il-Ħajja hi l-akbar valur u l-iktar valur għal qalb il-Partit Nazzjonalista” – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia

F’kummenti li ta wara l-protesta li għamel l-ekwipaġġ tal-vapur Lifeline quddiem il-qorti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-ħajja hi l-aktar valur għal qalb il-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni tisħaq li f’ħidmiet tas-salvataġġ fl-ibħra Maltin, jitħarsu l-liġijiet internazzjonali u kif ukoll l-interessi tal-pajjiż.

Hu qal li kemm-il darba ġibed l-attenzjoni tal-Gvern li mhux jagħmel biżżejjed fl-Ewropa biex il-piż tar-responabilta’ tal-immigrazzjoni tkun maqsuma bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Hu saħaq li mhux qed jirreferi għal-qsim ta’ piż, għax il-ħarsien tal-ħajja mhux piż, izda għal-irfiegħ tar-responsabbilta’.

Adrian Delia qal li l-Unjoni Ewropea għandha d-dmir tuża l-poter tagħha biex mhux biss issalva lil dawk li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ periklu u gwerra, imma wkoll biex tara min huma dawn il-persuni, minn xiex qed jaħarbu u biex tagħmel l-investimenti neċessarji fil-pajjiżi li qed jilqgħu fi ħdanhom lill dawn in-nies.

L-Ewropa għandha wkoll iżomm f’moħħha il-qies, il-popolazzjoni u l-ġid tal-pajjiżi li qed jilqgħu lill dawn l-immigranti.