Internazzjonali

Ir-Russja tibda l-akbar eżerċizzji militari mill-era tal-Gwerra Bierda

Ir-Russja bdiet l-akbar eżerċizzji tal-gwerra mill-era tal-Gwerra Bierda ’l hawn u li qed jinvolvu madwar 300,000 membru tas-servizzi armati li qegħdin jieħdu sehem fil-manuvri, fis-Siberja tal-Lvant.

Iċ-Ċina wkoll qed tieħu sehem fl-eżerċizzji bl-isem ta’ ‘Vostok-2018’ , fejn hi rappreżentata minn 3,200 truppi , flimkien ma’ diversi ajruplani tal-gwerra u vetturi armati. Anki l-Mongolja bagħtet numru ta’ taqsimiet militari li qed jinvolvu ruħhom fil-manuvri li mistennija jdumu għaddejjin ġimgħa.

L-aħħar eżerċizzji militari tar-Russja fuq skala hekk kbira kienu saru fl-1981 waqt l-era tal-Gwerra Bierda. Intant, l-eżerċizzji ta’ ‘Vostok-2018’ qed jinvolvu jerġa’ aktar truppi mill-avveniment ta’ 37 sena ilu.

Hu minnu wkoll li l-eżerċizzji tal-gwerra inkwistjoni qed isiru fi żmien ta’ tensjoni sostanzjali bejn Moska u n-NATO.

Ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u n-NATO – li hi alleanza ta’ difiża li tirrappreżenta 29 pajjiż u li hi dominata mill-Istati Uniti – komplew jaqilbu għall-agħar mindu r-Russi, fl-2014, ħatfu l-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqduha mat-territorju ta’ pajjiżhom.