Futbol Sport

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena megħlub f’partita ta’ ħbiberija

(Ritratt: Domenic Aquilina)

MALTA………….. 2   GEORGIA………. 5

It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena spiċċa megħlub 5-2 mill-Georgia f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fis-Centenary Stadium. Din il-partita kellha sservi ta’ preparazzjoni għall-aħħar żewġ impenji minn Grupp 6 li t-tim Malti għandu kontra l-Ungerija u Ċipru f’Ottubru.

Georgia marru fil-vantaġġ wara kwarta b’Irakli Bughridze jegħleb lil Jake Galea, iżda t-tim Malti wettaq reazzjoni u ġab id-draw fis-27 minuta meta b’azzjoni tajba mil-lemin, Michele Sansone krossja lejn Kyrian Nwoko li għeleb lil Gugeshasvili. Il-Georgjani reġgħu marru fil-vantaġġ ħames minuti wara permezz ta’ Luka Zarandia.

Vato Arveladze kompla jkabbar l-iskor fil-50 minuta b’xutt djagonali mil-lemin li għeleb lil Matthew Grech. Tliet minuti wara reġa’ kien Vato Arveladze li kkonkluda b’xutt fil-baxx wara azzjoni personali minn tarf il-kaxxa.

It-tim Malti naqqas id-distakk fis-66 minuta minn Jake Grech, iżda fil-ħin miżjud Georgia għalqu l-logħba b’penalty ta’ Luka Zarandia, wara li twaqqa’ minn Jake Grech.

Malta: J. Galea (M. Grech 46’), J. Borg, K. Zammiy, K. Micallef (K. Shaw 56’), D. Vella (N. Muscat 79’), M. Guillaumier (Z. Scerri 46’), J. Grech, K. Nwoko, J. Degabriele (C. Mercieca 56’), M. Beerman (D. Agius 69’), M. Sansone

Georgia: L. Gugeshasvili (O. Goshadze 46’), L. Lochoshvili, G. Margvelashvili, R. Chachua (A. Shulaia 77’), G. Kharaishvili, L. Zarandia, G. Giorbelidze, V. Arveladze (Giorgi Beridze 70’), N. Ninua (L. Matcharashvili 85’), I. Bughridze (G. Kolhreidze 55’), L. Nozoadze (G. Kantaria 70’)

Referee: Georgis Kominis (Greċja)