Fis-sigħat li għaddew il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ tat-tarbija Cristiano abbandunata f’parapett privat nhar il-Ġimgħa li għadda fi Triq il-Pijunier ġewwa Buġibba.
Il-Pulizija kellha l-opportunità li tkompli titkellem mal-omm, li għandha 22 sena u hi residenti l-Qawra, dwar dak li wassalha biex tabbanduna lil binha wara l-ħlas tiegħu.
Jidher li l-omm għandha ċerti problemi li jridu jkunu indirizzati bl-għajnuna ta’ Child Care Officers.
Fil-fatt l-omm, li diġà għandha tifel ta’ madwar sena, jidher li kienet qed tibża’ mit-trobbija tat-tieni wild tagħha u kienet konvinta li ma hix kapaċi trabbi żewġt ulied. Kien għalhekk li hi abbandunat lil binha nhar il-Ġimgħa li għadda.
Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal jirriżulta li l-omm kienet tqila b’dan il-wild mingħajr ma qalet xejn lill-familjari tagħha. L-istess omm tħoss li hi abbandunata mill-familjari tagħha.
Nistgħu niżvelaw li l-omm għandha sieħeb barrani, iżda qed tinsisti li anki dan ma kienx jaf li hi tqila. Is-sieħeb barrani identifikat ukoll mill-Pulizija għad irid ikun mitkellem mill-istess investigaturi filwaqt li għalissa ma hux jitħalla jagħmel kuntatt mal-omm li għadha qed tinżamm għall-kura fl-Isptar Mater Dei viċin it-tarbija iżda fil-preżenża tal-ħarsien ta’ Child Care Officer.
Kollox jindika wkoll li l-Maġistrat Joe Mifsud qed jinsisti bil-qawwa li dan il-każ ikun trattat bl-aktar mod uman possibbli bl-iskop li l-omm tingħata l-għajnuna kollha possibbli biex tingħaqad ma’ binha. Il-Maġistrat Mifsud qed iwassal il-messaġġ li kulħadd ikun għaddej minn xi forma ta’ mumenti diffiċli u hekk ukoll dinl-omm jista’ jkun li anki hi kienet għaddejja minn mument terribbli għaliex liema omm tista’ tasal biex tabbanduna lil uliedha.
Il-laqgħa tal-Ħadd waranofsinhar bejn l-omm u binha fit-Taqsima tat-Trabi tal-Isptar Mater Dei kienet waħda mill-aktar partikulari bl-omm – f’mumenti mill-aktar kommoventi – tgħannaq u tħaddan lil binha filwaqtli bilkemm temmen dak kollu li kien għadda waqt mumenti ta’ kalkoli żbaljati fejn l-istess omm setgħet irrikorriet għall-għajnuna.
Anki l-istaff preżenti fit-Taqsima tat-Trabi tal-Isptar Mater Dei spiċċa bid-dmugħ iġelben ma’ ħaddejh isegwi din il-laqgħa mhux tas-soltu ta’ omm ma’ binha Cristiano ftit tal-jiem biss wara li l-istess omm kienet abbandunat lil binha minħabba ċirkostanzi diffiċli u mill-aktar sfortunati.
Sadanittant ilbierah wara nofsinhar it-tarbija Cristiano kien rilaxxat mill-isptar Mater Dei u ngħata taħt ir-responsabbilta, il-kura u t-trobbija tas-sorijiet tal-Ursolini fejn diġa hemm ħuh ta’sena li wkoll qed jinżamm mis-sorijiet
//= $special ?>