Wara aktar minn tmien staġuni mal-Ferrari fejn hu l-aħħar sewwieq li rebaħ il-kampjonat tas-sewwieqa mat-tim Taljan, kien konfermat li Kimi Raikkonen se jkun qed jirritorna ma’ Sauber, it-tim li miegħu ddebutta fil-Formula 1 lura fl-2001. Il-Finlandiż se jiffirma kuntratt ta’ sentejn.
Postu se jkun meħud miż-żagħżugħ minn Monaco Charles Leclerc, li fl-età ta’ 20 sena se jkun wieħed mill-iżgħar sewwieqa li qatt saqu fl-istorja tal-Ferrari. B’hekk se jkun hemm bdil ta’ żewġ sewwieqa bejn żewġ timijiet. Din il-konferma temmet xhur ta’ spekulazzjoni dwar il-futur ta’ Raikkonen.
Il-Finlandiż kien ingħaqad mal-Ferrari mingħand McLaren fl-2007 u fl-ewwel staġun tiegħu kien rebaħ l-uniku kampjonat tas-sewwieqa wara li għeleb l-isfida ta’ Fernando Alonso u Lewis Hamilton.
Wara li fl-2009 kellu staġun diżappuntanti li fih spiċċa fis-sitt post, Raikkonen ħalla lil Ferrari u l-Formula 1. Hu rritorna fl-2012 hu rnexxielu jirbaħ żewġ tiġrijiet ma’ Lotus qabel reġa’ ngħaqad ma’ Ferrari fl-2014.
F’kumment li għamel fuq twitter, Leclerc ħabbar li se jkun qed isuq mal-Ferrari s-sena d-dieħla u saħaq li hu grat għal dejjem lil Ferrari tal-opportunità li tawh.
Leclerc hu gradwat mill-programm tal-Ferrari u s-sena l-oħra rebaħ il-kampjonat tal-Formula 2. Is-sewwieq ta’ 20 sena b’hekk kisser it-tradizzjoni tat-tim Taljan li ma jkollux sewwieqa żgħażagħ.
Charles Leclerc kellu staġun pożittiv sa issa u hu mifhum li qabel ma’ miet dan is-sajf, l-eks President ta’ Ferrari Sergio Marchionne kien interessat li jagħti promozzjoni lil Leclerc.
L-aħjar riżultat li kiseb Leclerc fl-ewwel staġun tiegħu fil-Formula 1 kien is-sitt post fl-Ażerbajġan u b’kollox kiseb 13-il punt sa issa.
//= $special ?>