Lokali Qorti

“L-Avukat Ġenerali irid jagħlaq ħalq kulħadd” – Adrian Delia

Tkompli l-Kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali dwar l-inkjesta Egrant

“L-Avukat Ġenerali irid b’kull mod jagħlaq ħalq kulħadd” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara s-seduta fil-qorti kostituzzjonali fil-kawża kontra l-istess Avukat Ġenerali.
Adrian Delia qal li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jinisisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu dritt itella lil ħadd jixhed.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni b’din il-kawża qiegħed jitlob lill-Qorti biex tordna lill-Avukat Ġenerali jagħtih kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant abbażi tal-kariga kostituzzjonali tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fis-seduta tat-Tlieta li kienet waħda fil-maġġor parti tagħha teknika biż-żewġ partijiet jagħmlu l-argumenti tagħhom fuq punti tekniċi tal-liġi, l-avukati ta’ Adrian Delia komplew jispjegaw lill-qorti r-raġuni għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jittellgħu jixhdu it-23 persuna li ġew indikati lilha.

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fir-reazzjoni tiegħu kompla jinsisti li ma jagtħix ix-xhieda tiegħu l-Avukat Ġenerali u opponew ukoll ix-xhieda tal-persuni l-oħra indikati mill-avukati tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Adrian Delia qal li l-Avukat Ġenerali ma jrid lill ħadd mit-23 persuna li huma indikati bħala xhieda jitilgħu jixhdu. Dan iffisser li l-Avukat Ġenerali jrid li persuna li tiftaħ kawża fil-Qrati tagħna ma tingħatax id-dritt li ttella l-provi.

Adrian Delia qal li b’dan il-mod l-Avukat Ġenerali, irid b’kull mod, jagħlaq ħalq kulħadd.

Hu kompla jispjega li din hija kawża għall-ġlieda tal-espressjoni ħielsa u li m’għandniex inħallu lil dan il-Gvern li ħataf l-istituzzjonijet tal-pajjiż, li jżomm lin-nies milli jitkellmu, milli jipproteġu d-drittijiet tagħhom jew milli jkollhom id-dritt li jtellgħu xhud. Adrian Delia iddskriva dan bħala tan-niket u tal-mistħija, u li ma tixraqx pajjiż demokratiku tal-punent.

Adrian Delia qal ukoll li huwa fundamentali li l-qorti kostituzzjonali jkollha f’idejha kopja tal-atti tal-inkjesta Egrant sabiex tkun tista tistabbilixxi jekk l-informazzjoni li ngħatat lill-Prim Ministru kienitx relevanti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu ukoll bħala kap tal-Oppożizzjoni protett mil-kostituzzjoni.

Il-kawża tkompli tinstema nhar it-Tnejn 17 ta’ Settembru.