Sport Waterpolo

Marsaskala jirbħu n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni wara nuqqas erba’ snin

(Ritratt: Martin Agius)

MARSASKALA TRANSCRIPTA……. 12

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………… 8

(4-1), (4-1), (2-2), (2-4)

Marsaskala Transcripta rritornaw għas-suċċess fin-knock-out wara nuqqas ta’ erba’ snin b’rebħa konvinċenti fuq Birżebbuġa Freeport 12-8. Ir-riżultat finali jista’ jindika li kienet logħba ftit missielta iżda dan ma kienx il-każ.

Dan minħabba li Marsaskala kellhom vantaġġ komdu ta’ 8-2 sa tmiem it-tieni sessjoni. Kien speċjalment fl-aħħar sessjoni li Birżebbuġa għamlu l-iskor rispettabbli, b’Marsaskala jnaqqsu r-ritmu tagħhom li bdew bih.

Birżebbuġa b’hekk temmew l-istaġun tas-sajf mingħajr unur wara li fl-ewwel parti tal-istaġun kienu kkunsidrati l-aħjar tim. Jidher li l-bidla fil-barrani kellha l-effett tagħha filwaqt li anki l-inklużjoni tat-Taljan Marco Risso ma kinitx daqshekk effettiva wara li l-kowċ ta’ esperjenza daħal flok Anthony Farrugia li serva għal perjodu temporanju.

Marsaskala ħarġu determinati u rnexxielhom jibnu vantaġġ ta’ tliet gowls li bihom setgħu jamministraw il-logħba. Huma temmew l-ewwel sessjoni 4-1 minn fuq u żammew dan ir-ritmu fit-tieni sessjoni biex saħansitra marru 7-1. Sergi Mora naqqas id-distakk iżda Andrija Vlahovic skorja r-raba’ gowl fil-logħba biex Marsaskala prattikament assiguraw ir-rebħa.

B’riżultat komdu u b’żewġ sessjonijiet mill-aqwa, ir-ritmu ta’ Marsaskala fl-aħħar żewġ sessjonijiet waqa’, iżda d-distakk tant kien kbir li Birżebbuġa ma setgħu qatt jidħlu fil-logħba.

Fi tmiem il-partita, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u l-Kap Eżekuttiv tal-BOV Paul Gauci preżentaw it-trofew lill-captain ta’ Marsaskala Duncan Cassar.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), E. Carabott, D. Borg Millo (1), A. Vlahovic (5), L. Grixti (1), K. Navarro, J. Borg, J. Bajada (2), C. Mifsud (1), D. Cassar, R. Attard (1), J. Cremona

Birżebbuġa: D. Abela, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi, S. Mora (5), J. Buhagiar, S. Vassallo, D. Cutajar (1), S. Micallef, M. Cutajar (1), M. Ortoleva (1), J. Zerafa Gregory, D. Spiteri

Referees: Peter Balzan, Giovanni Lo Dico