Lokali

Premju Internazzjonali għall-President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca irċeviet rikonoxximent internazzjonali għax-xogħol bla heda min-naħa tal-President sabiex tippromwovi u tagħti vuċi lil dawk li l-iktar għandhom bżonn.

F’ċerimonja li saret it-Tnejn filgħaxija, il-President Coleiro Preca kienet ippremjata waqt it-13-il edizzjoni tal-Premio Margutta – La Via delle Arti.

Il-premju mogħti lill-President hu mis-sezzjoni empowerment.

Fid-diskors tagħha, il-President Coleiro Preca qalet li hi tinsab onorata b’dan ir-rikonoxximent. Hi faħħret l-impenn tan-nisa fir-reġjun Ewro-Mediterranju li qed jaħdmu biex jagħtu vuċi lil nisa u bniet fid-djar u fil-komunitajiet.

Il-Premju jingħata mill-organizzazzjoni Business and Professional Women.

Il-President faħħret l-inizzjattiva ta’ BPW Malta li ta’ kull sena, fil-Jum Internazzjonali tal-mara, tlaqqa’ numru ta’ bniet ma’ nisa li kisbu suċċess f’diversi setturi.

Dawn ikellmuhom u jħeġġuhom jemmnu fihom infushom u l-potenzjal tagħhom.

Il-President saħqet ukoll dwar l-importanza li jissaħħu r-rabtiet bejn il-pajjiżi, għaliex in-nisa huma mexxejja fil-komunitajiet rispettivi tagħhom u dan jiżgura li tinbena kultura ta’ paċi pożittiva fir-reġjun Ewro Mediterranju.

Din hi r-responsabbilta’ tagħna bħala nisa, li nsaħħu t-tfajliet tagħna biex isiru l-attivisti tal-lum u l-mexxejja ta’ għada, temmet il-President Coleiro Preca.