Sport Waterpolo

San Ġiljan ifittxu tpattija sportiva fil-finali tan-knock-out

(Ritratt: Martin Agius)

Wara li l-Ħadd li għadda ġie deċiż ir-rebħ tal-kampjonat, San Ġiljan TUM Invest u Neptunes Leo Vegas se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin fil-finali tan-knock-out li se tagħlaq l-istaġun tal-waterpolo għal dan is-sajf. Għal din il-partita mistennija folla oħra kbira li tirrepeti dik tal-Ħadd li għadda.

Il-moral ta’ Neptunes hu wieħed għoli wara li kisbu t-tieni rebħa minn tlieta fil-finali tal-play-off biex kisbu l-25 kampjonat u l-kowċ Jovan Popovic għandu biċċa xogħol biex iżomm lit-tim konċentrat minħabba li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħadd jistgħu jkunu ta’ xkiel fil-preparazzjoni ta’ din il-partita.

San Ġiljan fuq in-naħa l-oħra se jkunu qed ifittxu tpattija sportiva biex jippruvaw jevitaw li minn doppjetta jispiċċaw b’idejhom vojta. Il-Ġiljaniżi kienu tal-fehma li l-format tal-kampjonat ma kienx ġust magħhom iżda fil-kompetizzjoni tan-knock-out żgur li ma għandhomx skuża minħabba li l-format hu dak tas-soltu.

Intant mill-Ewwel Diviżjoni, Birżebbuġa Freeport qed iħarsu lejn il-finali tan-knock-out biex jiksbu xi ħaġa minn dan l-istaġun wara li tilfu t-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sport u l-kampjonat il-Ġimgħa li għadda. Birżebbuġa għal ħafna żmien dehru li huma l-aqwa tim fid-diviżjoni, iżda tilfu ż-żewġ finali tal-play-off kontra Marsaxlokk.

F’din il-logħba se jibdew favoriti kontra Marsaskala Transcripta, tim li matul il-kampjonat ta sfida lil kulħadd kif ukoll tjieb matul l-istaġun. Marsaskala hu tim b’diversi żgħażagħ iżda mmexxija mill-kowċ ta’ esperjenza Pierre Borg, jistgħu jippruvaw jissorprendu f’din il-finali.

Illum

KO tal-Ewwel Diviżjoni

Marsaskala v Birżebbuġa         6.45pm

KO tal-Kampjonat Premier

San Ġiljan v Neptunes             8.00pm