Futbol Sport

George Weah jirritorna jilgħab mal-Liberja

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-Liberja George Weah lagħab f’partita ta’ ħbiberija internazzjonali għal pajjiżu fl-età ta’ 51 sena. Weah li kien l-ewwel plejer tal-futbol Afrikan li rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-FIFA, lagħab għal 79 minuta fit-telfa ta’ 2-1 kontra n-Niġerja f’Monrovia.

Il-Liberja rranġat partita ta’ ħbiberija biex tirtira l-flokk numru 14 li kien jilbes George Weah meta kien fl-aqwa tal-karriera tiegħu. L-eks plejer ta’ Milan ġie elett President f’Jannar li għadda u rċieva ovazzjoni mill-pubbliku preżenti meta kien mibdul.

In-Niġerja lagħbet b’tim pjuttost b’saħħtu fosthom il-plejer ta’ Leicester Wilfred Ndidi u l-midfielder Peter Etebo ta’ Stoke. L-attakkant Kelechi Iheanacho daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima.

Henry Onyekuru li jinsab b’self ma’ Galatasaray fetaħ l-iskor, u Simeon Nwankwo rdoppja l-iskor. Il-Liberja naqqset id-distakk b’penalty tard fil-logħba ta’ Kpah Sherman.