Futbol Sport

Id-Dipartiment tar-Referees jorganizza seminar ta’ tlett ijiem

Id-Dipartiment tar-Referees tal-MFA organizza seminar annwali għar-referees fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Id-Direttur tar-Referees Kevin Azzopardi qal li dan hu kontinwazzjoni mat-tema Go For Gold li kien magħżula għas-seminar ta’ qabel staġun ġdid għall-Elite Referees fil-Ġermanja. Azzopardi qal li d-Dipartiment lest li jipprovdi l-aħjar possibbli, tant li minn dan l-istaġun se jkun hemm membru fil-Kumitat tar-Referees bħala Uffiċjal Edukattiv.

Matul is-seminar, il-parteċipanti ħadu sehem f’sessjonijiet ta’ teorija li iżda wkoll ġew murija xi filmati dwar ir-regolamenti tal-logħba u fuq l-applikazzjoni tar-regola tal-vantaġġ.

L-uffiċjali kellhom diversi sessjonijiet għalihom fosthom dwar il-preparazzjoni fiżika u t-testijiet fiżiċi. Saru wkoll sessjonijiet prattiċi li tmexxew mill-kowċis tagħhom fil-Luxol Stadium kif ukoll eżerċizzju ta’ team-building.

L-osservaturi tar-referees kellhom sessjonijiet għalihm dwar materji amministrattivi, spjegazzjoni dettaljata minn Kevin Azzopardi dwar logħba tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena u taħdita minn Alan Snoddy mill-UEFA fejn tkellem dwar il-marka finali li tingħata lill-uffiċjali.

Snoddy ta lezzjonijiet dwar kif jikkontrollaw il-plejers, il-komunikazzjoni effettiva u d-deċiżjonijiet kruċjali fil-logħba. Snoddy qasam l-esperjenza vasta tiegħu fejn dejjem fakkar li l-uffiċjali għandu jkollhom għodda biex jinterpretaw u jkunu sensibbli.

Preżenti wkoll għas-seminar kien hemm l-uffiċjali għoli fid-Dipartiment tar-Referees tal-UEFA Miguel Solis Vazquez. Hu faħħar il-ħidma tad-Dipartiment Malti u qal li hu fost l-aktar attivi fil-UEFA.