“Il-vot tal-lum fil-plenarja huwa pass pożittiv favur l-artisti Maltin u l-media. Matul l-aħħar ġimgħat ltqajt ma’ artisti inkluż kantanti, kittieba, awturi kif ukoll pubblikaturi u l-media li tkellmu dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw. Hu għalhekk li kkampanjajt favur leġiżlazzjoni ġdida li tindirizza l-kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal dan wara li rapport dwar il-Copyright ġie adottat fil-Plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Zammit Dimech qal li waqt diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li saru f’Malta, l-artisti tkellmu dwar il-valur tal-ħidma tagħhom. Xi artisti full-time wrewh dokumenti li juru li d-dħul tagħhom kien inqas minn €200 f’sitt xhur anke jekk ix-xogħol tagħhom intuża b’mod estensiv. Dan kien fil-fatt ta’ tħassib kbir fost l-istakeholders Maltin u li se jiġu indirizzati permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.
Zammit Dimech qal li l-appoġġ lill-artisti kien kruċjali biex iċ-ċittadini jkomplu jgawdu kontenut kulturali u kreattiv. Huwa tenna t-talba mressqa mill-tenur Malti Joseph Calleja li “l-industrija tal-mużika qed tiffaċċja estinzjoni mingħajr leġiżlazzjoni tal-UE” u li l-liġi “se tiżgura li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom opportunitajiet ta’ recordings fil-futur”.
Zammit Dimech irrefera għal riċerka mwettqa minn PRS for Music, is-soċjetà tad-drittijiet ta’ eżekuzzjoni għal kittieba u kompożituri f’Malta, li wera li 85% tal-persuni f’Malta użaw YouTube biex jisimgħu mużika fl-aħħar tliet xhur u aktar minn kwart (28%) użaw biss il-YouTube biex ikollhom aċċess għall-mużika. Huwa wiegħed li jibqa’ jinsisti li l-artisti u l-kreaturi Maltin jitħallsu minn YouTube għax-xogħol tagħhom.
Il-pubblikaturi Maltin esprimew ukoll tħassib dwar l-impatt li l-illegalitajiet qed ikollhom fuq is-settur, li jipperikolaw l-impjiegi. F’dan ir-rigward, Zammit Dimech appella wkoll lill-awtoritajiet biex iwettqu l-infurzar.
Zammit Dimech, li huwa membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, qal li l-leġiżlazzjoni l-ġdida hija wkoll kruċjali biex tissalvagwardja l-ġurnaliżmu ta’ kwalità u tiżgura media indipendenti anke finanzjarjament, li tassigura l-impjiegi ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-media.
Fid-dawl ta’ kampanji ta’ informazzjoni qarrieqa, Zammit Dimech enfasizza li l-internet bħala pjattaforma ta’ diskors liberu mhux se jkun kompromess bl-ebda mod. “Din il-leġiżlazzjoni bl-ebda mod ma twaqqaf memes, parodija jew hyperlinking. Mhux se jkun hemm taxxa ġdida. Dan kollu ġie ċċarat aktar fit-test kif adottat illum mill-Parlament Ewropew” żied jgħid.
Zammit Dimech irringrazzja lill-istakeholders Maltin għall-interess u l-kontribut tagħhom.
//= $special ?>