Futbol Sport

Il-President tal-MFA jsejjaħ il-kumment taċ-Chairman ta’ SportMalta bħala tal-mistħija u irrelevanti

Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo wieġeb għal dak li qal it-Tnejn filgħaxija ċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil meta kkritika l-wirja tat-tim nazzjonali Malti fid-draw ta’ 1-1 kontra l-Ażerbajġan fil-UEFA Nations League.

Luciano Busuttil kritika r-reazzjoni tat-tim Malti wara t-telfa ta’ 3-1 kontra l-Gżejjer Faroe, fejn saqsa jekk hux l-uniku persuna li mhux kuntent bit-tim nazzjonali fid-draw kontra l-Ażerbajġan. Hu kellu kritika għal mod kif lagħab it-tim ta’ Ray Farrugia, il-kummentarju ta’ TVM2, filwaqt li saħaq li jekk wieħed irid jieħu pjaċir bil-futbol f’pajjiżna, jibqa’ jara t-tfal jilagħbu.

Darmanin Demajo kkundanna l-kummenti ta’ Busuttil, speċjalment “wara prestazzjoni pożittiva li wasslet biex it-tim tagħna kiseb l-ewwel punt fil-kompetizzjoni.”

Il-President tal-MFA qal li hu tal-mistħija li ċ-Chairman ta’ SportMalta jesprimi ruħu fil-pubbliku b’dan il-mod. Hu saħaq li kull Malti hu konxju mis-sagrifiċċji li l-atleti fid-dixxiplini kollha f’Malta u Għawdex jgħaddu minnhom biex jikkompetu fix-xena internazzjonali.

Darmanin Demajo saqsa għaliex hemm għalfejn li persuni li ħadmu ħafna biex jiksbu d-dritt li jirrappreżentaw lill-pajjiż ikunu redikolati. Hu sellem lill-plejers u l-istaff tat-tim nazzjonali li qed jagħmlu minn kollox biex idaħħlu r-rieda biex jirbħu, u sostna li li kull kumment hu irrelevanti fosthom il-kumment ta’ Luciano Busuttil.