Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, l-Erbgħa għamel id-diskors tant mistenni dwar id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dan kien l-aħħar diskors simili tiegħu bħala President tal-Kummissjoni peress li ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga – il-mandat tiegħu jiskadi s-sena d-dieħla. Diskors li fih elenka l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea, fosthom il-Brexit, l-immigrazzjoni illegali u kif l-UE kienet qed tippjana li tkkonfrontahom. Huwa tkellem ukoll dwar it-tisħiħ tal-partiti estremisti u anti UE madwar il-pajjiżi membri u fakkar li l-UE kien ħaqqha rispett akbar għaliex ħafna qed jinsew li kienet ġabet il-paċi fil-kontinent Ewropew.
Dwar l-immigrazzjoni, Juncker qal li l-Ewropa trid tibqa’ kontinent tolleranti u miftuħ. Huwa qal li l-UE qed tippjana li tibgħat mal-10,000 għassies ieħor tul il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Fid-diskors hu ppropona alleanza ġdida bejn l-UE u l-Afrika, ibbażata fuq il-kooperazzjoni aktar milli fuq il-karità biex eventwalment twassal għal ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn iż-żewġ kontinenti.
Jean Claude Juncker ukoll għamel proposta kontroversjali dwar il-veto tal-pajjiżi fuq ċerti kwistjonijiet ta’ taxxa jew politika barranija. Minflok Juncker ippropona li jkun hemm sistema fejn ir-rieda tal-maġġoranza tgħodd. Dwar il-Brexit, hu qal li l-Unjoni Ewropea kienet tirrispetta d-deċiżjoni tar-Renju Unit imma talab lill-Gvern ta’ Londra biex jifhem li la darba jkun barra mill-UE ma setax jippretendi li jkollu l-istess benefiċċji u drittijiet ta’ meta kien membru.
Hu rrifera wkoll għall-ħin tas-sajf u qal li issa riedu jkunu l-pajjiżi li jiddeċiedu x’se jagħmlu. Huwa qal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea kienet se tkun qed tipproponi regoli fejn il-kumpaniji fuq l-Internet iridu jibdew jneħħu propoganda terroristika inkella jittieħdu l-passi.
//= $special ?>

