Futbol Sport

Khedira jġedded il-kuntratt ma’ Juventus

Il-midfielder ta’ Juventus Sami Khedira se jibqa’ mal-klabb wara li ffirma kuntratt sal-2021. Dan il-ftehim hu tiġdid ta’ sentejn fuq il-kuntratt oriġinali li kien jiskadi fi tmiem dan l-istaġun.

Khedira kien ingħaqad ma’ Juventus fis-sajf tal-2015 wara li kien spiċċalu l-kuntratt minn ma’ Real Madrid u lagħab aktar minn 100 logħba fit-tliet staġuni. Il-plejer ta’ 31 sena rebaħ is-Serie A u l-Coppa Italia fit-tliet staġuni li lagħab fl-Italja, kif ukoll wasal sal-finali tal-UEFA Champions League fl-istaġun 2016/2017.

Il-Ġermaniż beda fit-tliet logħbiet li lagħbu Juventus f’dan l-istaġun u rnexxielu wkoll jiskorja l-ewwel gowl fir-rebħa ta’ 3-2 fuq Chievo. Juventus huma l-unika tim li rebaħ it-tliet logħbiet fis-Serie A u fi tmiem il-ġimgħa jilagħbu kontra Sassuolo, li fil-preżent jinsabu fit-tieni post.