Ronnie O’Sullivan għeleb lil Neil Robertson 6-3 fl-ewwel logħba tal-istaġun biex għadda għall-kwarti tal-finali tal-Masters ta’ Shanghai. O’Sullivan li għandu 42 sena, ilu ma jilgħab b’mod kompetittiv minn meta kien eliminat minn Ali Carter f’April li għadda fil-Kampjonat tad-Dinja.
Wara li Robertson falla l-boċċa l-ħamra fit-tul, O’Sullivan battal il-mejda bi break ta’ 97. F’xi ħinijiet, Robertson deher f’forma mill-aqwa, iżda f’oħrajn ma kienx konsistenti fejn falla boċċi faċli. O’Sullivan għamel ukoll żbalji iżda rari li kellu juri l-aqwa tiegħu fi triqtu lejn il-finali.
Fir-rawnd li jmiss, Ronnie O’Sullivan jilgħab kontra Stuart Bingham.
Aktar kmieni, iċ-champion tad-Dinja Mark Williams lagħab logħob spettakolari b’rebħa ta’ 6-3 fuq Anthony McGill fit-tieni rawnd. Williams ta’ 43 sena, deher f’forma tajba diġà dan l-istaġun, bir-rebħ tal-World Open, u kiseb l-ewwel frame.
McGill irrisponsa b’century break iżda Williams tjieb u rebaħ iż-żewġ frames ta’ wara biex mar fuq quddiem. Hu fetaħ it-tieni sessjoni tajjeb u minkejja li McGill kiseb century break ieħor, hu ma waqqafx lill-plejer minn Wales milli jgħaddi għar-rawnd ta’ wara.
Mal-aħħar tmienja, Mark Williams jilgħab kontra Barry Hawkins.
F’logħba oħra, John Higgins kien eliminat 6-5 minn Ryan Day f’logħba eċċitanti. Day fetaħ bi break ta’ 95 u fit-tieni frame mar 2-0 minn fuq, qabel John Higgins naqqas id-distakk.
L-erba’ darbiet rebbieħ irnexxielu jagħmel l-iskor 3-3 sakemm it-tnejn rebħu frame wara xulxin, b’Higgins jieħu l-logħba għal decider b’century break ta’ 136. Iżda kien Day li għadda mal-aħħar tmienja bi break ta’ 87.
Fil-kwarti tal-finali, Ryan Day jilgħab konta Kyren Wilson.
//= $special ?>