In-nies jistħoqqilhom Soċjetà li Jimpurtaha, li jkollha ruħ soċjali biex il-ġid li jinħoloq, jasal għand kulħadd. Dan hu li jrid il-Partit Nazzjonalista għall-futur ta’ pajjiżna: soċjetà li taħseb u tagħder, fejn kulħadd iħossu parti minnha u fejn nieħdu ħsieb dak li jagħmilna Maltin.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt diskussjoni mat-Tesserati fil-Każin tal-Partit f’Ħal Balzan. Filwaqt li nnota kif il-Partit Laburista fil-Gvern tilef ir-ruħ soċjali, Adrian Delia tenna l-impenn tiegħu għal Partit Nazzjonalista li jkun il-Partit ta’ kulħadd.
Filwaqt li stieden lil kulħadd biex iwessa’ l-ideat tiegħu ħalli nkunu nistgħu nilqgħu aktar nies fi ħdanna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna niftħu aktar widnejna u moħħna għal ideat ġodda. Dan għaliex irridu nifhmu dejjem aktar li l-politika ssir minn fost in-nies.
Adrian Delia fakkar li l-Festi tal-Indipendenza jfakkru fit-twelid tal-pajjiż u għalhekk din hi Festa li għandha tgħaqqadna lkoll bħala poplu wieħed. Innota kif għalkemm nargumentaw bejnietna kważi fuq kollox, fortunatament kapaċi ningħaqdu meta pajjiżna jsib ma’ wiċċu l-akbar sfidi.
Dwar il-Kandidati li l-Partit mistenni jippreżenta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn se jkunu qed jaħdmu biex ikomplu jkabbru isem Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej. Se jkunu qed jaraw kif jirranġaw isem pajjiżna mill-ħsara li saritlu bid-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern Laburista.
Bħala alternattiva vera għat-tmexxija tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista jrid iwiegħed it-tama għax flimkien kapaċi nirnexxu, tenna Adrian Delia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-impenn tal-Partit biex il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna tiġi aġġornata. U jekk il-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn, se jkun il-Partit Nazzjonalista li jippreżenta l-proposti tiegħu.
Sadanittant, it-Tesserati preżenti kienu indirizzati wkoll mill-President tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Ħal Balzan Stephen Gatt, li faħħar l-impenn tal-Partit Nazzjonalista, li minn żmien għall-ieħor dejjem bena l-politika tiegħu fuq in-nies.
U qabel bdiet l-attività, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tella’ l-Bandiera Maltija quddiem il-Każin, fil-preżenza ta’ membri tal-Kumitat Sezzjonali u t-Tesserati lokali.
//= $special ?>