Lokali

Adrian Delia jwiegħed komunikazzjoni diretta u ċara mal-kaċċaturi u n-nassaba

"Din il-laqgħa fetħet il-bibien għal iktar diskussjonijiet" - Joe Perici Calascione FKNK

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wiegħed li mil-lum ‘il quddiem se jkun hemm komunikazzjoni diretta, b’diskors ċar u kollaborazzjoni sħiħa mal-kaċċaturi u n-nassaba, fejn b’rispett sħiħ tal-liġi huma wkoll ikollhom min iwassal il-leħen tagħhom.

Dr Delia qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK). Huwa qal li d-demokrazija titlob ukoll li r-rieda tal-ħafna, l-Gvern jibqa’ jiġġieled għaliha wkoll barra minn xtutna.

Matul din il-laqgħa, r-rappreżentanti tal-FKNK iddiskutew mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif jistgħu jaħdmu flimkien mil-lum ‘il quddiem favur bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent u d-delizzju tagħhom. Dan skont il-parametri tal-liġi.

Il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione qal li għall-Federazzjoni huwa importanti li jkunu jafu l-policies tal-partiti.  Huwa qal li l-FKNK taħdem bis-sħiħ mhux biss fl-interess tal-kaċċa w l-insib iżda wkoll favur il-konservazzjoni tal-ambjent.

F’kumment lil Netnews.com.mt Perici Calascione qal matul il-laqgħa ġie diskuss kif l-FKNK tista taħdem aktar mill-qrib mal-Partit Nazzjonalista għal kaċċa u insib legali u sostenibbli.
Joe Perici Calascione iddeskriva din il-laqgħa bħala waħda li fetħet il-bibien għal futur u għal diskussjonijiet ferm aktar sodi mal-Partit Nazzjonalista.

Għal laqgħa mal-FKNK, jakkumpanjaw lill-Kap tal-partit Adrian Delia kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoi għas-Soċjetà Ċivili Hermann Schiavone. Id-delegazzjoni tal-FKNK kienet magħmula mill-President Joe Perici Calascione, il-Kap Eżekuttiv Lino Farrugia u s-Segretarju Ġenerali Daniel Xriha.