Lokali

Gvern bla pjan dwar l-immigrazzjoni – li jista’ jġib kollass ekonomiku

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli intervistat fuq il-programm Iswed fuq l-Abjad

“Dan hu Gvern bla pjan dwar l-immigrazzjoni u n-numru tal-popolazzjoni ta’ Malta. Bħala Oppożizzjoni kemm-il darba staqsejnih, u dan il-Gvern qatt ma rrisponda. Jekk il-Gvern jixtieq ikabbar il-popolazzjoni ta’ Malta lest biex jilqa’ sfidi akbar? – bħal problemi soċjali, edukazzjoni, identità, is-saħħa u l-integrazzjoni?”

Kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt intervista fuq il-programm Iswed fuq l-Abjad minn Frank Psaila. “Il-Gvern m’għandux pjan. Aħna għandna xi ħaġa fuq l-400,000 ruħ popolazzjoni, u l-Gvern irid importazzjoni ta’ madwar 10,000 jew 15,000 persuna fis-sena. Issa, din meta se tieqaf? Int għandek pjan li tkabbar il-popolazzjoni għal nofs miljun? Jew li tkabbarha għal żewġ miljuni bħal Singapore? Il-Gvern ma jafx – u la m’hemmx pjan lanqas tista’ tibda tipjana għal impatti oħrajn.

Dwar l-identità ta’ pajjiżna, Clyde Puli tkellem dwar il-problema tal-integrazzjoni. Spjega kif il-poplu Malti għandu oriġini minn pajjiżi differenti iżda rnexxielu jingħaqad u jifforma identità għalih. “Probabilment ħafna mill-Maltin ġejjin minn antenati li ġew minn pajjiżi oħra madwar il-Mediterran. Iżda ġew hawnhekk, saru Maltin, u għaġinna kultura u valuri tagħna flimkien matul is-snin. Bnejna identità Maltija u kburin biha”.

Iżda Clyde Puli semma’ kif il-Gvern qed jgħaġġel il-proċess tal-integrazzjoni – u qed iħallas il-prezz għalih il-poplu Malti. “It-taħlit jarrikixxi. Iżda l-periklu hu li ġejjin ammonti kbar, f’qasir żmien – b’numru minnhom mhux bilfors għandhom intenzjoni li jingħaġnu mal-ħajja Maltija”.

Għalhekk, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista rabat il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam, billi spjega it-tema tal-festi tal-Indipendenza għal din is-sena – Soċjetà li Jimpurtaha. “Din il-viżjoni ta’ Adrian Delia, li minn Malta indipendenti jkollna soċjetà li jimpurtaha. Illum għandna libertajiet, hekk kif Malta wettqet ħafna kisbiet u ġid – iżda issa rridu naraw li hu ġid li jilħaq lil kulħadd u mhux min hu l-aqwa jħawwel. Irridu soċjetà li jimpurtaha mill-identità u mill-kwalità tal-ħajja – iżda trid tipprovdi xibka ta’ solidarjetà”, stqarr Clyde Puli.

Tkellem dwar kif il-mod li l-Gvern irid ikabbar il-popolazzjoni Maltija tista’ twassal għal kollass ekonomiku. “Jekk inti għandek ekonomija li trid tkabbarha bil-popolazzjoni allura bilfors se jiżdiedu n-nies. Iżda jekk għandek ekonomija mibnija fuq il-valur miżjud, l-ammonti li jiżdiedu sej kunu ħafna inqas. X’inhu l-periklu ta’ ekonomija li tiżdied bil-popolazzjoni? L-ewwel nett, din l-art tagħna hi limitata u jekk nibnuha kollha se tonqos il-kwalità tal-ħajja – u niskopru li l-valur ta’ dak kollu li bnejna tul is-snin se jonqos. Il-Malta li nafu, se tintilef u mhxu se tkun attrajenti. Id-dipendenza fuq din it-tip ta’ ekonomija tista’ ġġib kollass ekonomiku.

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Ġenerali tkellem dwar il-preparamenti li għaddejjin bħalissa għall-festi tal-Indipendenza – fejn minbarra d-divertiment u l-attrazzjonijiet għall-pubbliku, se jkun hemm id-diskussjonijiet politiċi.

Il-festi tal-Indipedenza se jibdew nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru, u jintemmu b’Mass Meeting indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, lejliet Jum l-Indipendenza – il-Ħamis 20 ta’ Settembru.