Il-mandat ta’ David Casa biex jibda n-negozjati ġie kkonfermat fi Strasburgu din il-ġimgħa. Minnufih, bdew in-negozjati mal-Kunsill.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Grupp tal-PPE David Casa qal: “Il-liġi proposta għandha l-għan li tnaqqas id-differenza fil-paga u fix-xogħol bejn is-sessi, billi tinkoraġġixxi li r-responsabbiltajiet tal-ġenituri jinqasmu aħjar bejn l-irġiel u n-nisa. F’Malta, id-direttiva se twassal għall-introduzzjoni ta’ għaxart’ ijiem leave imħallas għall-missirijiet ma’ kull twelid ta’ tifel jew tifla. Se tagħti wkoll il-possibilità lil kull ġenitur biex iqattgħu aktar ħin ma’ uliedhom, sakemm it-tifel jew it-tifla jkollhom ċertu età.”
L-MEP Malti issa se jmexxi tim ta’ negozjati tal-Parlament Ewropew f’negozjati mal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea. In-negozjati mistennija jieħdu numru ta’ xhur, bil-għan li jkunu konklużi qabel tmiem il-leġiżlatura f’Mejju tas-sena d-dieħla.
“Ħafna mill-ħidma tiegħi kienet iffukata biex tassigura li l-SMEs u n-negozji ż-żgħar ma jiffaċċjawx sfidi bla bżonn minħabba din il-liġi. Se nkompli ninsisti li għandu jkun hemm perjodu minimu ta’ servizz qabel impjegat jew impjegata ikunu jistgħu jitolbu għall-leave tal-ġenituri, u li min iħaddem jista’ jipposponi l-leave jekk ikun se jfixkel ir-ritmu tan-negozju.”
L-ewwel rawnd ta’ negozjati saru din il-ġimgħa fi Strasburgu. F’isem il-Kummissjoni Ewropea attendew il-Kummissarju Marianne Thysen u l-Kummissarju Vera Jourova.
//= $special ?>