Kunsilli Lokali Lokali

Edizzjoni oħra tal-Festa QarGħasel

Is-sibt li ġej fil-pjazza tal-Mosta se tkun qed tittella’ t-tieni edizzjoni tal-festival Festa QarGħasel.

Is-Sindku tal-Mosta Keith Cassar qal lil netnews.com.mt li l-festival jgħaqqad flimkien żewġ ingredjenti marbutin storikament mal-Mosta – il-qargħa ħamra u l-għasel. Minn hekk nibet l-isem tal-festival li żewweġ iż-żewg kelmiet.

Hu spjegalna kif dan il-festival li kien isir snin ilu reġa ingħata l-ħajja s-sena l-oħra. Fl-2017 għall-okkażżjoni ta’ dan il-festival, fil-pjazza tal-Mosta kien sar reenactment ta’ tieġ tipiku antik Malta.

Karl Tanti, kunsillier, spjegalna kif din is-sena, il-festival se jieħu xejra differenti u se jkun qed jiffoka iktar fuq l-aspett mużikali bil-parteċipazzjoni tal-veteran tal-mużika Jazz Charles ‘is-City’ Gatt u l-grupp Airport Impressions.

U kif inhi konswetudni f’avvenimenti bħal dawn, mhux se jonqos l-ikel. Fil-pjazza se jkun hemm numru ta’ stands li se joffru varjeta’ kbira ta’ ikel tipiku marbut maż-żewġ ingredjenti li fuqu hu bbażat il-festival.

Is-Sindku qalilna wkoll li għal din l-okkażżjoni, pizzeria Mostija se tkun qed tniedi Pizza Mostija li l-ingredjenti tagħha għadhom sigrieti iżda li wieħed għandu jifhem li se tkun tinkludi fiha il-qargħa ħamra u l-għasel.

Fl-imgħoddi l-Mosta kienet magħrufa għal-benna tat-torti tal-qargħa ħamra li kienu jsiru hawn kif ukoll għall-abbundanza ta’ għasel li kien inixxi mal-blat tal-Wied li ħa propju l-isem Wied il-Għasel.

Dan il-festival jagħmel parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Mosta li jiġi mfakkar kull sena fis-16 ta’ Settembru.