Formula 1 Sport

FORMULA 1: Hamilton u Mercedes jittamaw f’aktar suċċess f’Singapore

(Ritratt: EPA)

Wara t-trijonf memorabbli tas-sewwieq Britanniku Lewis Hamilton u t-tim ta’ Mercedes fil-Grand Prix ta’ Monza, l-attenzjoni tad-dilettanti tal-Formula 1 issa ddur lejn Singapore, fejn, nhar il-Ħadd, l-isfidanti ewlenin għat-titlu jikkonfrontaw lil xulxin fiċ-ċirkwit ta’ Marina Bay Street.

Kollox jindika li d-drama tal-aħħar ġimgħat se tkun riflessa wkoll fiċ-ċirkwit partikulari fejn Hamilton u Mercedes qed jittamaw li jkomplu fejn ħallew wara s-suċċess ta’ Monza – fejn il-Britanniku kompla jżid il-vantaġġ fuq ir-rivali ta’ Ferrari, Sebastian Vettel, għal 30 punt.

Madankollu, Hamilton u d-direttur eżekuttiv ta’ Mercedes, Toto Wolff, m’għandhomx dubju li l-isfida ta’ Ferrari, mill-ġdid, se tkun intensiva u meta, f’Singapore, mistennija wkoll wirja tajba mill-karozzi ta’ Red Bull.

Kienu Mercedes li gawdew l-aħħar trijonf fil-Marina Bay Street Circuit, meta Hamilton, is-sena l-oħra, rebaħ tellieqa drammatika biex irrepeta s-suċċess ta’ Nico Rosberg, fl-istaġun preċedenti.
Min-naħa tiegħu, Vettel għandu rekord tajjeb f’Singapore fejn rebaħ erba’ darbiet ( tlieta minnhom konsekuttivi meta kien għadu ma’ Red Bull) u b’kollox qed jindika battalja qalila oħra bejnu u Hamilton li t-tnejn huma għatxana għat-titlu.

Sadanittant, l-esperti jikkalkulaw li l-karozzi ta’ Ferrari huma aktar ‘attrezzati’ għaċ-ċirkwit ta’ Singapore li fost oħrajn jinkludi diversi elementi imserrpin.

Iżda waqt li Toto Wolff innifsu ammetta li Ferrari huma ‘il-favoriti’ għal din it-tellieqa, ir-rebħa fenomenali ta’ Hamilton f’Monza – li ħafna jaqblu li seħħ kontra kull mistenni – għandha titqies bħala prova li Mercedes għandhom il-kapaċitajiet kollha biex jissorprendu, meta l-affarijiet ikunu qed jidhru kontra tagħhom.

Fl-istess ħin, Mercedes u Ferrari jkunu qed jiżbaljaw jekk ma jikkalkulawx l-isfida qawwija mit-tim ta’ Red Bull li għandu l-kwalitajiet kollha biex iqum għall-okkażjoni u meta għandu wkoll rekord mill-aqwa fuq dan iċ-ċirkwit – grazzi għall-imsemmija rebħiet ta’ Vettel, li tiegħu hu r-rekord għall-aktar rebħiet u pole positions f’Singapore .

Sadanittant, il-pole position hu importanti ħafna għall-isfidanti f’Singapore.

Dan meta fl-aħħar disa’ Grand Prix ta’ Singapore, l-isfidanti li bdew it-tellieqa bħala pole-sitters irnexxielhom jirbħu t-tellieqa għal seba’ darbiet. L-eċċezzjonijiet kienu l-2012, meta l-karozza McLaren ta’ Lewis Hamilton inqalgħulha l-problemi waqt li hu kien qed igawdi vantaġġ ( minn pole position) fuq l-isfidanti l-oħra u fl-2017, meta l-karozza ta’ Sebastian Vettel spiċċat involuta f’inċident kważi mal-bidu tat-tellieqa.