Futbol Sport

FUTBOL FL-INGILTERRA: Provi tal-VAR għall-Premier League

Il-Premier League Ingliż, nhar is-Sibt, se jimplimenta għall-ewwel darba l-provi għat-teknoloġija VAR (video assistant referee) b’konnessjoni ma’ diversi logħob tal-Ogħla Diviżjoni fl-Ingilterra.

Wara li fl-istaġun li għadda kienu saru testijiet tal-VAR għal xi logħob individwali, l-amministraturi tal-Premier League issa jridu jaraw kif is-sistema għandha taħdem fir-rigward ta’ diversi logħbiet li jkunu qed isiru fl-istess ħin.

Intant, il-provi tas-Sibt għall-ħames logħbiet tal-Premier League li jibdew kollha fl-4 pm ( ħin ta’ Malta) se jitmexxew minn ċentru għall-kontroll ewlieni tal-VAR. Mhu se jkun hemm l-ebda komunikazzjoni ma’ xi ħadd fis-stadiums fejn ikunu qed jintlagħbu l-impenji tal-Premier League li qed ikompli wara l-waqfien dovut għal-logħob tal-International League.

Il-provi fl-Ingilterra, għalissa, qed jillimitaw l-użu tal-VAR għall-gowls; l-appelli għal penalty; is-sitwazzjonijiet fejn tintwera karta ħamra diretta u l-każi fejn l-uffiċjali tal-logħba (jistgħu) jiżbaljaw l-identità tal-plejer li jkunu ikkommetta xi illegalità.

F’April li għadda, il-klabbs tal-Premier League Ingliż ivvutaw kontra l-introduzzjoni tal-VAR għall-istaġun 2018-19.

B’hekk il-VAR – l-istess bħall-każ tal-istaġun li għadda – se jintuża għal-logħob tal-League Cup u l-FA Cup tal-Ingilterra, u biss fl-istadiums ewlenin tal-pajjiż.

Waqt li fl-istaġun li għadda, il-proċess tal-VAR kien esegwit għal 19-il logħba fl-Ingilterra, l-indikazzjonijiet huma li n-numru, din id-darba, se jitla’ għal madwar 60.