Futbol Sport

FUTBOL INTERNAZZJONALI: Camacho mkeċċi minn kowċ ta’ Gabon

L-eks-kowċ u plejer ta’ Spanja, Jose Antonio Camacho, mhux se jkompli jmexxi lit-tim nazzjonali ta’ Gabon, bil-konferma tat-tkeċċija toħroġ ftit tas-sigħat ilu, f’Libreville.

Camacho, li għandu 63 sena, kien ħa post Jorge Costa bħala head coach ta’ Gabon, fl-2016, iżda t-tim nazzjonali naqas li jimpressjona fejn, taħt l-Ispanjol, kiseb żewġ rebħiet biss minn 17-il logħba, u fejn irnexxielu jsib ix-xibka għal disa’ darbiet biss.

Jose Antonio Camacho, bħala eksdifensur ta’ Real Madrid, lagħab aktar minn 450 logħba mal-‘Los Blancos’ f’karriera li damet 15-il sena u wara kellu wkoll diversi suċċessi bħala kowċ.

Hu kien il-manager ta’ Real Madrid f’żewġ okkażjonijiet separati, minbarra li kkowċja lill-klabbs Spanjoli ta’ Sevilla, Rayo Vallecano, Espanyol u Osasuna, flimkien ma’ Benfica tal-Portugall.

Camacho għamel ukoll żmien bħala l-kowċ nazzjonali ta’ Spanja u ċ-Ċina.