Lokali

“Ħija qiegħed fit-tarf, u għalqulu l-bieb f’wiċċu” – titkellem dwar il-problema tad-droga

“Ħija qieħed fit-tarf”.  Hekk qaltilna kemm il-darba tul l-intervista Marie.

Marie qaltilna kif ħuha beda juża d-droga meta beda jiffrekkwenta ċertu ħbieb, madwar tlett snin ilu u llum qiegħed fil-qiegħ.

Marie spjegat kif huma dejjem fittxew l-għajnuna għall-ħuha, ċemplu ħafna nies, iżda kollu kien għalxejn.  Hi qalet li kien hemm drabi oħra meta huma rnexxielhom jikkonvinċuh jidħol għal programm ta’ riabilitazzjoni – iżda meta ħabbtu l-bibien, ħadd ma kellu post għalih.

“Meta ddeċieda li jidħol għall-programm ta’ riabilitazzjoni, wara li aħna konna ilna nisħqu miegħu, għalqulu l-bieb f’wiċċu għax qalulu li post m’hemmx. Minħabba f’hekk mar għall-agħar, u reġa’ qabad dik it-triq”.

Ftit tal-jiem ilu ħuha ddeċieda min jeddu li jipprova joħroġ minn dan il-vizzju ikrah u jagħmel il-programm ta’ riabilitazzjoni. Qalulu li biex ikun jista’ jiġi kkunsiddrat għall-programm ta’ dan it-tip irid jagħmel erbat ijiem l-isptar Monte Karmeli.

Issa, meta għaddew ftit ġranet, qalulhom li għandhom stennija ta’ 9 jew 10 ġimgħat biex ikun jista’ jiddaħħal fi programm. “Dan qegħdin jgħidulu erġa’ mur fit-triq – diġa’ qiegħed fil-qiegħ. Ma nafx għalfejn jagħjtu bl-għajnuna li hawn, għaliex mhu veru xejn”.

Marie qalet li meta marru għand l-għaqdiet li joffru l-programmi biex jaraw min mill-pazjenti jikkwalifika għal programm, qalulhom li hemm ħafna iktar qablu.

Hi qalet li t-tobba jafu sew il-problema li għandu  u jafu wkoll kemm hu importanti li jingħata għajnuna immedjata, iżda ħuha diġa qal li jekk mhux se jidħol fi programm fil-jiem li ġejjin, hu beħsiebu joħrog minn Mount Carmel. U b’hekk jerġa’ jkun kollu għalxejn.

Marie spjegat kemm hu diffiċli għal persuna bil-vizzju tad-droga biex ifittex l-għajnuna u għaldaqstant kemm hu importanti li l-għajnuna li tingħata tkun immedjata.

Hi semmiet ukoll in-nuqqas serju ta’ sodod fi ħdan l-aġenziji li joffru dawn il-programmi.  Hi qalet li l-problema hija mifruxa ħafna u li ħuha mhux waħdu fis-sitwazzjoni li qiegħed.

Marie għamlet appell imqanqal sabiex xi ħadd jagħmel kuntatt magħha biex jgħina toħroġ lill-ħuha minn dan il-vizzju qabel ma jkun tard wisq. Mistoqsija x’inhuma l-biżgħat tagħha fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ ħuha, hi qaltilna hekk:

“Ħija qiegħed fit-tarf. Li tmur tiġbru minn mal-art – tara lil ommok u missierek iċemplulek jibku, ma jafux it-tifel tagħhom x’se jiġri minnu. Jarawh fis-sodda mitluf minn sensih, jibdew jgħidu li dan it-tifel qed jistenna li minn ħin għall-ieħor il-Bambin isejjaħlu”.

Marie saħqet sa l-aħħar li mingħajr l-għajnuna tal-awtoritaijiet  biex dan ir-raġel ikun jista jieħu lura ħajtu, mhu se jaslu qatt u temmet tgħid li mingħajr din l-għajnuna ma jafux iktar fejn jistgħu imorru.