Is-sistemi edukattivi jridu jaddattaw għall-istudenti dyslexic, li għandhom jingħataw aktar appoġġ permezz ta’ teknoloġiji ġodda, għaliex is-sistemi attwali għadhom ibbażati fuq l-istampa. Din hi waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ressqet l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dyslexia, kif ukoll ġenituri ta’ studenti dyslexic, u li l-MEP Francis Zammit Dimech ressaq ‘il quddiem waqt laqgħat fil-Parlament Ewropew, fid-dawl tal-inizjattiva ġdida biex isir Charter Ewropew tad-Dyslexia.
L-MEP Francis Zammit Dimech organizza laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dyslexia biex jisma’ mingħandhom l-opinjoni dwar iċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia. Hu ressaq dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Istitut tad-Dyslexia tar-Renju Unit, li qed imexxi ‘l quddiem din l-inizjattiva, u ltaqa’ wkoll mal-grupp ta’ ħidma biex jiddiskuti dawn il-proposti f’aktar dettall. Fost proposti oħra mressqa, hemm dik li dawn il-persuni jkunu inklussivi aktar fis-soċjetà. Ġenituri sostnew ukoll għall-għajnuna finanzjarja biex tintuża għal programmi ta’ interventi li jeżaminaw lil uliedhom. Ladarba persuni bid-dyslexia ħafna drabi jkollhom profil ‘co-morbid’, saru sejħiet biex din tkun riflessa fiċ-Charter. Saru wkoll proposti biex jidħlu fis-seħħ l-impenni tat-Trattat ta’ Marrakesh, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħol ippubblikat għall-persuni dyslexic.
L-Istitut tad-Dyslexia tar-Renju Unit diġà kellu laqgħat dwar iċ-Charter mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, u numru ta’ MEPs minn diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li qed jappoġġjaw l-inizjattiva. L-għan taċ-Charter hu li jimplimenta qafas fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, biex jappoġġja u jiproteġi individwi dyslexic ta’ kull età. Id-dyslexia taffettwa bejn 10% u 20% tal-popolazzjoni; li jfisser li mal-100 miljun Ewropew huma dyslexic. Peress li d-dyslexia hi waħda mill-kawżi ewlenin tal-faqar, bi tfal foqra ikunu fiċ-ċans li jkunu dyslexic 4 darbiet aktar minn tfal oħra, iċ-Charter hu maħluq biex jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar. Iċ-Charter għandu 5 għanijiet ewlenin: kura tas-saħħa, edukazzjoni, impjiegi, is-sistema tal-ġustizzja, u t-teknoloġija. Dan iċ-Charter għandu l-għan ukoll li jibda jindirizza ħafna mill-isfidi li għandhom il-persuni dyslexic fil-ħajja personali u professjonali ta’ kuljum, mhux biss b’għajnuna lilhom, iżda anke lill-familji u l-komunità.
Roger Broadbent, id-Direttur tal-Istitut tad-Dyslexia tar-Renju Unit, irringrazzja lill-MEP Francis Zammit Dimech għall-impenn tiegħu biex jappoġġja din l-inizjattiva.
//= $special ?>